F’dan l-episodju mis-sensiela Taħt il-Qoxra Rachelle Deguara tkellmet ma’ Fr Jonathan Farrugia.

Mal-mistieden tkellimna dwar il-ktieb li editja u li bih rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 fil-kategorija ‘Riċerka Bijografika u Storjografika’, Ir-Redentur. History, Art, and Cult of the Miraculous Effigy of Christ the Redeemer at Senglea, Malta (Midsea Books Ltd).

Tkellimna miegħu dwar il-kontributuri l-oħra fil-ktieb, min jista’ jsibu utli u għaliex, il-kult u l-mirakli jħufu madwar l-istatwa tar-Redentur u kif dan l-istudju storiku jitfagħhom f’dawl ġdid, l-involviment tar-rappreżentanti tal-Knisja f’oqsma lilhinn mill-fidi u r-ruħ, u kif kien il-vjaġġ tiegħu qalb id-dokumenti antikissmi li ħadem bihom, fost l-oħrajn.

Isma’ l-intervista sħiħa hawnhekk.

Rev. Dr Jonathan Farrugia huwa saċerdot li jservi fil-Parroċċa tal-Isla. Jgħallem l-Università, u huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Istorja tal-Knisja, il-Patroloġija u l-Arkeoloġija Paleokristjana. Minbarra t-tagħlim u l-ministeru, involut fir-riċerka ta’ bċejjeċ sagri li jinsabu fil-knejjs u fuq ġrajjiet marbutin ma’ bliet u rħula Maltin, speċjalment l-Imqabba u l-Isla. Bosta mir-riċerka tiegħu ġie ppubblikat f’rivisti Maltin u barranin. Kiteb ukoll dwar il-kitba u t-teoloġija Nisranija tal-ewwel sekli, liema studji dehru f’rivisti differenti wkoll.


Share Article