F’dan l-episodju mis-sensiela Taħt il-Qoxra Rachelle Deguara tkellmet ma’ Marie Briguglio u Steve Bonello.

Mal-mistednin tkellimna primarjament dwar il-ktieb No Man’s Land: People, Place and Pollution (Kite Group, 2018) li huwa l-ewwel rebbieħ tal-kategorija l-ġdida tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, il-Letteratura mhux Fittizja. Ħarisna lejn il-ġeneru msemmi, it-‘traġedja’ tar-riżorsi komuni tal-pajjiż u t-tema ambjentali, fost oħrajn.

Isma’ l-intervista sħiħa hawnhekk.

Dr. Marie Briguglio hija akkademika fl-Università ta’ Malta fid-Dipartiment tal-Ekonomija, u tgħallem l-Environmental Economics, il-Behavioural Economics u s-Social Marketing. Għandha dottorat fl-Ekonomija (Stirling) u Maġisteru tax-Xjenza fl-Environmental and Resource Economics (Londra). Marie Briguglio rebħet ukoll premjijiet relatati mal-kitba u l-produzzjoni għal fuq l-iskrin, bi spettru estensiv ta’ xogħlijiet li jittrattaw temi soċjopolitiċi u ambjentali. Rebħet il-Premju tal-Organizzazzjoni għall-Proprjetà Intellettwali Dinjija fil-kreattività.

Steve Bonello huwa kartunista veteran, artist u ambjentalist. Artist imħarreġ b’mod awtonomu, xogħlu jżewweġ l-umoriżmu ma’ temi kemmxejn skuri li jesploraw l-assurdità eżistenzjali tal-ħajja. Fl-1988 u l-1991 tella’ żewġ eżibizzjonijiet personali u reċentament ħa sehem fl-eżibizzjoni Xebgħa Nies (2014). Mill-1991 ippublika cartoon ta’ kull ġimgħa fis-Sunday Times ta’ Malta.

Il-Kunsill Nazzjonalli tal-Ktieb jirringrazzja lill-PBS u lill-ħaddiema ta’ Radju Malta 1 għall-għajnuna bix-xandir tal-programm.

 


Share Article