Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jistieden għal darb’oħra lil poeti stabbiliti u oħrajn ġodda biex jipparteċipaw fit-tielet edizzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef. Il-konkors kien tnieda l-ewwel darba fl-2019 bil-għan li jissaħħaħ il-livell tal-kitba poetika f’Malta u biex jiċċelebra l-poeżija miktuba bil-Malti.

Il-konkors ikun aġġudikat minn grupp ġdid ta’ aġġudikanti li jinħatar kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Il-ġurija tevalwa kull poeżija, b’mod anonimu, skont damma ta’ kriterji li jħarsu lejn l-awtentiċità, l-immaġinazzjoni, id-distintività fil-vuċi, u l-użu oriġinali tar-ritmu u l-figuri tat-taħdit.

Ikunu ppremjati l-ewwel tliet postijiet; il-poeżija rebbieħa hemm allokat għaliha s-somma ta’ € 1,000, u għaż-żewġ poeżiji ta’ warajha hemm allokat vawċer f’xiri ta’ kotba li jista’ jissarraf minn ħwienet tal-kotba lokali. Ir-rebbieħa tal-konkors jitħabbru f’ċerimonja apposta li tiġi ċċelebrata waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 li se jsir bejn it-3 u s-7 ta’ Novembru fiċ-Ċentru Malti għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali.

Ladarba dan huwa konkors ta’ poeżija waħda, kull parteċipant irid jissottometti poeżija oriġinali waħda biss, u din ma tridx tkun ippubblikata qabel xi mkien ieħor. Ix-xogħol irid ikun bil-Malti u ma jaqbiżx is-36 vers. Kull applikant mitlub jaqra bir-reqqa r-regolamenti tal-Konkors, li jinsabu fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

L-applikazzjoni mimlija b’mod sħiħ trid tinbagħat bil-posta flimkien ma’ erba’ kopji tal-poeżija sottomessa, li trid tkun iffirmata bi psewdonimu. L-applikazzjoni u l-poeżija jridu jintbagħtu bil-posta fuq dan l-indirizz: Il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2021, Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Ċentrali Pubblika, Triq Prof. Joseph J. Mangion, il-Furjana, FRN1800 sa mhux aktar tard mit-Tnejn 23 t’Awwissu 2021 f’nofsinhar. L-applikanti għandhom jibagħtu wkoll kopja ffirmata u skennjata tal-applikazzjoni b’imejl fuq andrew.ricca@ktieb.org.mt.


Share Article