Wara sentejn mingħajr laqgħat fiżiċi, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ingħaqad ma’ aktar minn 150 aġenzija nazzjonali oħra għal-Laqgħa Annwali Ġenerali tal-ISBN, li saret bejn is-7 u d-9 ta’ Settembru fil-Librerija Nazzjonali tan-Norveġja, Oslo. F’isem il-KNK attendew il-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, u l-Maniġer tal-ISBN, Michael Mercieca.

Waqt din il-laqgħa l-aġenziji nazzjonali tkellmu dwar suġġetti kurrenti relatati mal-ISBN, fosthom iż-żieda tal-awtopubblikazzjonijiet u l-forom elettroniċi tal-pubblikazzjonijiet, l-aħjar prattiċi fil-ħruġ tal-ISBNs, modi ġodda ta’ riċerka u informazzjoni bis-saħħa ta’ sistema ġdida ta’ kodifikazzjoni (RaiD), kif ukoll dwar jekk l-użu tal-ISBN għandux isir obbligu legali fl-aħjar interess għall-ġbir ta’ dejta preċiża dwar l-għadd ta’ pubblikazzjonijiet.

Mil-laqgħat ħareġ li, bħala medja, in-numru ta’ ISBNs maħruġa f’Malta jaqbel ma’ dak tal-maġġoranza tad-delegazzjonijiet waqt il-konferenza. Minn dis-sena Malta se tapplika sabiex tkun tista’ tibda tuża programm ġdid għall-ISMN, li jħaffef it-tiftix għal informazzjoni fuq kompożizzjonijiet u pubblikazzjonijiet mużikali ġodda; il-Laqgħa Annwali Ġenerali tal-Konferenza tal-ISMN (International Standard Music Number) saret il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru fl-istess post.

Il-Laqgħa Annwali Ġenerali tal-ISBN hi organizzata mill-Aġenzija Internazzjonali tal-ISBN, u sservi t’opportunità għall-iskambju tal-informazzjoni bejn aġenziji nazzjonali differenti tal-ISBN, u bejn id-delegati barranin dwar xogħolhom u l-pubblikazzjonijiet tagħhom.

Il-Laqgħa Annwali Ġenerali tal-ISBN/ISMN tal-2023 se ssir ir-Rabat fil-Marokk bejn il-11 u t-13 ta’ Settembru.


Share Article