Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb issa stabbilixxa ruħu bħala l-aktar avveniment prestiġġjuż u l-aħjar ċelebrazzjoni tal-ktieb f’Malta. Il-festival letterarju, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, jispikka fost l-oħrajn fil-kalendarju kulturali tal-ħarifa u jattira mal-40,000 viżitatur. Kull sena jipparteċipaw aktar minn 40 eżebitur, u allura l-Festival joffri wkoll pjattaforma importanti għall-professjonisti fl-industrija tal-kotba.

Kieku l-kundizzjonijiet dis-sena kienu bħal ta’ qabel, konna nkomplu bil-ħidma tas-soltu biex nakkomodaw eluf ta’ ħabbieba tal-ktieb f’Dar il-Mediterran tul il-ħamest ijiem tal-Festival kif ukoll aktar minn 5,000 student u għalliema minn skejjel f’Malta u Għawdex fost il-ġimgħa. L-imxija Covid-19 bidlitilna l-pjanijiet u allura kollox se jsir online.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 xorta se jsir kif pjanat oriġinarjament bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru, iżda minflok Dar il-Mediterran l-attivitajiet se jixxandru f’edizzjoni online speċjali.

L-attivitajiet

It-tim u l-eżebituri tal-edizzjoni ta’ dis-sena fasslu programm kulturali li għandu l-potenzjal li jwassal l-istess sens ta’ ġenjalità, skambju u kreattività lil komunità li did-darba hi akbar mill-eluf li jżuru l-Festival b’mod fiżiku.

Il-preparamenti għaddejjin ġmielhom u daqt inħabbru l-mistieden speċjali tal-Festival, filwaqt li l-programm tal-attivitajiet għandna nippubblikawh fil-ġimgħat li ġejjin. Il-programm kulturali tal-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 se jkun jinkludi tnedijiet u qari ta’ kotba, laqgħat m’awturi, qari ta’ poeżija, konferenzi u seminars – fosthom konferenza letterarja dwar is-sengħa tat-traduzzjoni u l-esportazzjoni letterarja – u għadd ta’ attivitajiet b’awturi u pubblikaturi lokali u internazzjonali.

Peress li xi awturi u pubblikaturi ma jistgħux isiefru minħabba r-restrizzjonijiet, l-attivitajiet tal-Festival kemm għall-kbar u anki għaż-żgħar se jixxandru b’xejn fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-paġna tal-Facebook.

Il-mixja għall-online tħeġġiġa għall-bidla

Il-mixja għad-dinja tal-online hija opportunità biex nikkomunikaw ma’ udjenzi differenti ħafna minn xulxin: peress li l-problema tal-post jew is-sala issa sparixxiet, prattikament m’hemmx limitu għad-daqs tal-udjenza jew id-distanza ġeografika. Ħdima biex l-esperjenza tal-viżitaturi ma jkollhiex intoppi: hija relattivament faċli biex tissieħeb f’attività waqt il-Festival għax kulma trid huwa skrin ta’ kompjuter fil-qrib.

Flimkien mal-pubblikaturi u l-imsieħba l-oħra, il-KNK se jieħu din l-opportunità biex noħorġu b’ideat innovattivi biex nippromwovu l-qari u nwieżnu l-bejgħ tal-kotba.

Punt pożittiv immens li ħareġ minn dit-tranżizzjoni għall-online huwa r-ristrutturar tal-ispazju tal-bejgħ online tal-pubblikaturi lokali. Il-bidla serviet bħala sejħa għall-imsieħba fl-industrija, speċjalment dawk li se jipparteċipaw dis-sena, biex jgħollu l-livell tas-servizzi online tagħhom bl-aħħar teknoloġiji u jtejbu l-esperjenza tal-bejgħ online għall-klijenti tagħhom.

Apparti l-bejgħ sostanzjali ta’ kotba, il-Festival sar ukoll post fejn il-pubblikaturi jippromwovu lill-awturi tagħhom u jilħqu b’mod aktar immedjat lill-qarrejja. Iż-żieda f’daqqa ta’ avvenimenti li saru online minħabba l-imxija wriet il-potenzjal tal-komunitajiet diġitali fid-dinja tal-kotba u l-entużjażmu kollettiv tal-qarrejja.

L-iskejjel

Dis-sena l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jidħol fil-klassi ta’ kull skola f’Malta u Għawdex.

Fost il-ġimgħa filgħodu se jkun hemm l-attivitajiet għat-tfal u l-għalliema, u qed jitħejja programm speċjali ta’ attivitajiet kulturali u ta’ gost li jinkludi t-teatru, qari u laqgħat ma’ kittieba. Bħad-drabi ta’ qabel, tim ta’ atturi professjonali bħalissa qed jipprepara biex jaddatta għall-palk il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka tas-sena l-oħra u ta’ dis-sena. Mistieden speċjali ieħor se jkun qed ixandar online xow għal dawk l-iskejjel li jagħżlu li jaraw produzzjoni bl-Ingliż.

L-attivitajiet kollha għat-tfal se jixxandru online u dawk l-iskejjel interessati jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom bħas-soltu (se tintbagħat ċirkulari bid-dettalji kollha fil-jiem li ġejjin). Il-vawċer ta’ €3 se jintbagħat lil kull student li jkun irreġistrat għall-Festival.

L-għalliema għandhom iċ-ċans li jużaw il-materjal tal-Festival li se jintbagħtilhom biex joħolqu gruppi ta’ diskussjoni dwar il-kotba, seminars dwar kif tqalleb u tixtri l-kotba mill-internet, u biex jgħinu lill-istudent jagħżel il-ktieb li jixtieq jixtri bil-vawċer.

L-eżebituri virtwali

AVC www.merlinlibrary.com
B.D.L. Books https://bdlbooks.com/
Central Bank of Malta https://www.centralbankmalta.org/the-library
Faraxa Publishing https://www.faraxabooks.com/
Għaqda tal-Malti, Università https://www.facebook.com/ghaqdamalti/
Heritage Malta Publishing http://heritagemalta.org/book-buy/heritage-malta-publications/
Horizons http://horizons.com.mt/
Istituto Italiano di Cultura https://iicvalletta.esteri.it/iic_lavalletta/it/
Kite Group https://www.kitegroup.com.mt/
Klabb Kotba Maltin /

Midsea Books

https://midseabooks.com/books/
Mellieħa Local Council https://www.mellieha.gov.mt/
Merlin Publishers https://merlinpublishers.com/
Miller Distributors Ltd. www.agendabookshop.com
Octavo https://www.octavo.app/en/store
EDE Books https://edebooks.eu/bookstore/
Sensiela Kotba Soċjalisti https://bdlbooks.com/publisher/sensiela-kotba-socjalisti/
Miranda Publishers https://www.mirandabooks.com/

Ix-xiri tal-kotba online

Tistgħu tixtru l-kotba mill-ħwienet online tal-pubblikaturi. Determinati li nipprovdu esperjenza sħiħa li ddur mal-kotba, il-letteratura u l-qari, u allura qed nagħmlu ħilitna sabiex din it-tranżizzjoni sseħħ bla skossi. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kien diġà kkunsidra l-potenzjal ta’ festival online, fil-fatt fil-bidu ta’ dis-sena konna qassamna fuljett f’kull dar b’informazzjoni dwar kull pubblikatur u kif tista’ tixtri l-kotba online mingħandu (tista’ ssibu mis-sit tagħna).

Ninkuraġġixxu lill-pubbliku, speċjalment lill-istudenti u min jieħu ħsiebhom, biex jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ dawn il-pubblikaturi u l-kotba tagħhom billi jżuru l-ħanut online li għandhom.

Ngħiduha kif inhi, anki jekk tqis il-benefiċċji kollha li d-dinja diġitali ġġorr magħha, l-esperjenza virtwali qatt ma tista’ tieħu post dik reali. Jekk joħorġu struzzjonijiet ġodda dwar is-saħħa u nkunu nistgħu nagħmlu attivitajiet fiżiċi nagħmluhom, madankollu aktarx dawn ikunu mseħbin m’oħrajn virtwali biex naddattaw għall-ħajja wara l-Covid-19.

L-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 se ssir bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-Facebook tal-KNK u s-sit tagħna www.ktieb.org.mt

 

 


    Share Article