Home / back to news Ħniex 10th February, 2025 Lil Luna Luul Hemm ħniex fin iħaffer ħafif il-ħofor f’qalb pajjiżna jixheb u jogħlob … ħniex li ma narawhx avolja nbiddlu n-nuċċalijiet: ‘mma narawh fl-infern tiegħek bla ħoss u jħeġġeġ ħajtek ħuġġieġa. Nisimgħuk tirrakkonta tħajjarna niftakru fix-xaħam żejjed imrambel f’ruħna. Ixxennaqna għal għamla ta’ ħniex jitħanxel li jeħġem ix-xaħam u jeħġem sa jgerrem anki l-lega tat-tiżliġ mar-rita li xi darba kienet limpida, li tant għandna bżonn tkun limpida. Imbagħad hemm il-ħniex irqiq irqiq tal-uġigħ jinbaram kattiv f’forma ta’ fjuri jfuħu jiffjorixxu li qalbek żagħżugħa tnibbet, u aħna nippruvaw nifhmu x’jiġifieri: ommok arrestata għalxejn b’xejn mill-militar, u sena sħiħa kkalzrata lilhinn minnek; missierek imkeċċi għalxejn b’xejn mix-xogħol mill-bażużli tal-gvern korrott s’għarqubu; il-ħarbien – mixi fuq mixi mill-Eritrea sas-Sudan; eluf ta’ nakfa għall-karozza mis-Sudan għas-Sahara sal-fruntiera, w eluf għall-but tal-coyote mqit li sarmek fil-Libja, w għad-dgħajsa tal-ħniena b’mija u sebgħin ħolqien t’Alla bla ħobż u bla ilma sakemm ħbiebek u qrabatek tgħannqu wieħed wara l-ieħor, waħda wara l-oħra, mal-qroll tal-qiegħ mediterranju, sakemm wasalt hawn, kważi mejta, f’dil-gżira tal-ħofor fejn ninnegaw miżegħda ħniex imħaxxen iħannex ruħna; fejn inbiddlu n-nuċċalijiet, nibqgħu ma narawx ċar. Ċar id-dmugħ f’għajnejk int u tirrakkonta dan kollu, għażiża Luna. SHARE POST