Skip to content

Stadji Minn Relazzjoni Fittizja

1
Maqbud fis-sotterran ta’ dawn l-istrofi ma rrid naħbilek xejn.

Kont ili żmien li qtiltek. ’Mma llum tlajtli fil-wiċċ.

Il-qraba dejjem ħasbu li fik fittixt biss l-ombra tal-imħabba.
Bixkilla margeriti u peonji tal-kompassjoni ħasbuha lil imħabbti.
Ħasbuha kenn mill-mewġ tas-solitudni jew forsi att platon’ku.

Kemm kienu ’l bogħod mis-sewwa, ’qas ħadd ma seta’ jobsru.

Mir-relazzjoni tagħna
ħallejna l-impressjoni ta’ fantażma lewn il-borra fuq sodda Vittorjana.

2
Ħassejt illum li għandi nħott il-faċċoliżmu tiegħi,
bħal garża tinfaxxali dal-wiċċ bla espressjoni.

Ilsienek rimja roża fil-lelà, la ġenba bejn xofftejk,
fakkarni fil-ballottra li biċċirt b’tir ta’ xkubetta.
Qallibni d-demm. Bellahni.
L-att herrieni.

3
Int kont is-subà vili jippuntali lejn il-klawsura.
Iċ-ċaħda tas-sbuħija, tat-tenerezza timida, għalija.
Il-fjamma mill-ġeħenna li għażilt.

Le, qatt ma għaġinna l-kompliċità bejnietna!

’Qas darba ma tħabbejna taħt id-doċċa,
jew morna nqallbu l-ġebel għall-bebbux.

L-aridità saċ-ċoff tar-rabta tagħna qarqċitilna!

4
Konn’avversarji denji tal-bestja ta’ Melville u l-kaptan Aħab.

Blood pressure cuff ma’ jdejk
subgħajja kienu jagħfsu ta’ kull darba li l-għadab issikkajt fl-iris t’għajnejja.

Ma nafx kif ma xejħukx il-prietki silenzjużi li kont ninsiġlek b’sengħa.

Sakemm ilsieni mtela bi wġigħ ieħor, u qtiltek, kif int xtaqt.

5
Kultant narak għaddejja tiżliġa mill-faċċetti ta’ vażun,
u wrajk il-fjammi li qatt ma dehru qabel.

In-nar jikkonsma njama fil-fuklar bħalkieku sħaba mqanfda candyfloss.

Niggosta l-aħħar qtar tal-aniżett.
Minn ġewwa nħoss il-ħruq t’eluf ta’ lighters flint
imxejra mixgħulin
bħal meta konna mmorru f’xi kunċert tar-rock klassiku.

F’għajnejja s-sikta ċomba.

L-istess profondità li int kont taf.

L-istess spirall vjolenti lejn l-imrar.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.