Preżentazzjoni tal-edizzjoni ġdida bil-Malti ta’ La Divina Commedia li se tkun ippubblikata fl-2021 biex jitfakkru s-700 sena mill-mewt ta’ Dante. Il-konverżazzjoni se tinkludi lit-traduttur, Alfred Palma, lill-pubblikatur, Joseph Mizzi, lil Richard Muscat mill-Fondazzjoni AŻAD u lil Massimo Sarti mill-Istituto Italiano di Cultura.

Dan l-avveniment se jkun bit-Taljan u qed jitħejja mill-Istituto Italiano di Cultura b’ħidma mal-Assoċjazzjoni Vitaliano Brancati.

L-Istituto Italiano di Cultura twaqqaf fi Frar tal-1971 u huwa wkoll is-Sezzjoni Kulturali tal-Ambaxxata Taljana f’Malta. L-Istituto huwa simbolu tal-kultura Taljana f’Malta, u l-għan ewlieni tiegħu huwa li jxerred dil-kultura u l-arti tagħha. Dan jagħmlu billi jorganizza attivitajiet kulturali, imexxi librerija li minnha jistgħu jissellfu l-kotba l-membri tagħha, u jikkollabora fil-qasam tal-edukazzjoni. Ħa ħsieb ukoll li jistabbilixxi xibka ta’ kuntatti bejn l-Università ta’ Malta u studji ta’ riċerka f’universitajiet Taljani, organizzazzjonijiet tal-istat u istituzzjonijiet oħra. L-Istituto jippromwovi avvenimenti bħal eżebizzjonijiet, kunċerti, drammi u konferenzi li jkunu miftuħa għal dawk kollha interessati fil-kultura u l-ħajja Taljana.