Home / News / Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Alex Vella Gera back to news Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Alex Vella Gera Audiovisual • Initiatives • News • Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur 16th August, 2017 Taħdita ma’ Alex Vella Gera dwar il-ktieb tiegħu Trojan. Alex Vella Gera (imwieled fl-1973) issa jgħix fi Brussell, fejn jaħdem bħala traduttur għall-Unjoni Ewropea. Fl-2011 kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja kbira dwar iċ-ċensura f’Malta wara l-pubblikazzjoni tan-novella espliċita tiegħu Li Tkisser Sewwi fil-gazzetta universitarja Realtà . Huwa ppubblika l-ewwel rumanz tiegħu L-Antipodi fl-2010. Fl-2013 rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-proża bit-tieni rumanz tiegħu, Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi. L-aħħar rumanz tiegħu, Trojan rebaħ ukoll il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-proża fl-2016. M: Il-protagonist ta’ Trojan, Ġanni Muscat, huwa karattru paradossali. Xi qarrejja, bħal Jean Paul Gové fir-reċensjoni tiegħu fuq Goodreads, esprimew dubji dwar il-kredibilità tal-karattru. Sostnew li jsibuha diffiċli li jemmnu li l-awtur ta’ dak li jidher li huwa xogħol profond tal-letteratura, L-Għanja tas-Sirena, ibiddel it-twemmin tiegħu biex iħaddan verżjoni tant primitiva u simplistika tal-Kristjaneżmu. Saħansitra li, kif spiss jintqal fir-rumanz, jidher li jxaqleb lejn it-tip ta’ estremiżmu li llum il-ġurnata huwa assoċjat mat-Taliban u l-Isis. Int verament temmen li dan jista’ jiġri lil xi ħadd ta’ sensibilità artistika? Mhux li jsiru konservattivi imma li jispiċċaw iħaddnu fehmiet estremisti bħal dawn? T: Iva naħseb huwa possibbli. Imma naħseb qed tieħdu wisq litteralment. Pereżempju, inti ċert li L-Għanja tas-Sirena huwa rumanz profond? Qrajtu? Le, kull m’għandek għajdut u xi kwotazzjonijiet minn kbarat tal-letteratura Maltija passata. Kemm inti fiduċjuż li taqbel magħhom fl-analiżi tagħhom tar-rumanz ta’ Muscat? Ukoll, iva, jxaqleb lejn l-estremiżmu, b’nuqqas ta’ tolleranza lejn ħsibijiet u modijiet ta’ għajxien differenti minn dak li huwa jemmen (jaf mhux jemmen, għax għalih huwa fatt mhux xi ħaġa li tista’ tiġi diskussa) iżda hemm mument fir-rumanz fejn saħansitra jieħu azzjoni jew jagħmel xi ħaġa li tirrifletti dan it-twemmin? Hemm mument fejn tabilħaqq jgħid li issa xjaħ u kieku kien iżgħar kien ikun iżjed effettiv. X’aktarx qed jaħseb li l-estremiżmu tiegħu jista’ jkun biss internalized? Imma biex inkompli mal-mistoqsija tiegħek, iva naħseb li anke persuna ta’ sensibilità artistika jista’ jsir estremist. Anzi, forsi huwa iżjed faċli, għax sensibilità artistika fiha nnifisha għanda tendenzi lejn l-estremiżmu. Ma taħsibx? X’aktarx qed tgħid li mhijiex kredibbli l-mindset ta’ Ġanni Muscat. U nasal naqbel miegħek li kieku kien ħa azzjoni b’xi mod, billi daħal f’xi għaqda ta’ nies jaħsbuha bħalu u jagħmlu sabutaġġ jew affarijiet simili. M: F’intervisti li inti tajt wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb, esprimejt ċertu simpatija għal Ġanni Muscat, mhux biss għall-karattru imma anki għall-fehmiet tiegħu. Mhux li ssostni l-estremiżmu tiegħu, ovvjament, iżda tidher li taqbel ma’ Ġanni rigward l-ipokrisija tas-sistema li ssostni dawk li Ġanni jsejjaħ “l-aristokraziji tal-minoranzi” f’isem il-liberaliżmu. Bħal donnok timplika ukoll li din hija l-istess ipokrisija li ħolqot il-kunċett ta’ korrettezza politika. Jekk hu minnu, kemm kienet importanti din il-konsiderazzjoni fit-tfassil tar-rumanz? T: Ġanni Muscat huwa dak li ngħidlu barrani f’pajjiżu, u huwa stat li minn dejjem kien jiġbidni u jintrigani, forsi għal raġunijiet personali, ta’ esperjenza personali. Minn dak il-lat nissimpatizza lejh bħala speċi ta’ Don Kwixott jattakka l-irdieden. Iżda hemm ukoll l-element ideoloġiku. Huwa persuna li jara l-affarijiet minn lenti estrema. Dan għaliex iħossu taħt attakk mid-dinja moderna. NIssimpatizza miegħu minn dak il-lat ukoll, parti minnha għaliex nista’ nħoss dak li jħoss hu (mingħajr ma naqa’ fl-estremitajiet li jaqa’ hu, għaliex jiena ma nħaddanx it-twemmin tiegħu), fis-sens li nista’ nifhem kif iħossu raġel bħalu fejn id-dinja li jħossu sigur fiha qed tgħaddih biż-żmien, u sa ċertu punt ukoll, nissimpatizza għaliex huwa minnu li l-mindset liberali minn xi daqqiet tirritani ħafna, għalkemm inqis lili nnifsi liberali ħafna. Is-simpatiji tiegħi joriġinaw, x’aktarx, fis-simpatija li nħoss lejn l-underdog, u jintrigani l-fatt li Kattoliku ferventi sar l-underdog f’pajjiz Kattoliku. Barra mill-indifferenza li nara fil-liberali lejn il-“vittmi” tar-rebħiet u l-kisbiet tagħhom f’dawn l-aħħar snin. In-nuqqas ta’ empatija miż-żewġ naħat insibu ispirazzjoni. M: Ara din is-silta mill-ktieb: “Imma ngħid jien”, reġa’ ndaħal l-istudent l-ieħor, qisu x-xitan qed ideffes denbu, “il-moderniżmu, is-surreliżmu, id-dadaiżmu, dawn l-istrateġiji kienu jaqblu mal-ispirtu Malti? Huma għodda xierqa biex tiġi espressa s-sensibilità Maltija? Fis-snin sebgħin kontu mingħalikom kontu qed tkunu moderni meta s-surrealiżmu kien ilu li miet nofs seklu. Il-Maltin f’kollox għadhom lura u jaslu tard. Imma s-surrealiżmu, anke fl-aqwa tiegħu x’ kien jekk mhux l-iskart, il-ġenn u l-barbariżmu li kien baqa’ wara li mietet iċ-ċivilizzazzjoni fil-Gwerra l-Kbira? Kellhom id-dritt il-Maltin jikkapparaw is-surrealiżmu biex jagħmlu impatt stilistiku, mingħajr ma indagaw fil-fond dwar il-fundamenti ta’ dik l-estetika?” Dan huwa d-diskors ta’ wieħed mill-istudenti li jmur jintervista lil Ġanni. Kemm taqbel mal-analiżi tal-istudent u r-raġunar tiegħu? T: Ma naqbel xejn mar-raġunar tal-istudent anke jekk għandu punt, iżda huwa punt imsejjes fuq ix-xewqa li lil Ġanni jġibu f’diffikulta, mhux biex jinkiseb xi għarfien mill-istqarrija, iżda biex jimbarazzah. Huwa attakk ta’ żagħżugħ, diskors “high falutin” kienu jgħidu l-Amerikani. Ma naqbilx għaliex kull mezz ta’ espressjoni artistika, iva titwieled f’post u fi żmien partikolari, iżda kull kultura tista’ teħodha u tagħmilha tagħha, f’kuntesti ġodda. Is-surrealiżmu Amerikan mhuwiex is-surrealiżmu Franċiż. L-idea ta’ dan l-istudent li l-Maltin ma kinux lesti jew kapaċi jkunu surrealisti fl-opinjoni tiegħi hija espressjoni ta’ nuqqas ta’ kunfidenza, kumpless ta’ inferjorita, fejn l-artist Malti huwa dejjem mgħakkes mill-ġudizzju spjetat tal-Malti. Iżda, fl-istess waqt, il-kittieba tal-Qawmien Letterarju fis-60ijiet u s-70ijiet li mingħalihom kienu fl-avangwardja, għalkemm lokalment kienu, ġieli nħoss li jħarsu lura lejn żmienhom mingħajr sens ta’ awtokritika u proporzjon. Iva, li tkun fl-avangwardja Malta mhux xi ħaġa li tarmiha, iżda ejjew naraw l-istampa l-kbira il-ħin kollu, mingħajr dak il-preġudizzju li jgħakkes l-artist Malti iżda b’lenti realista u daqsxejn umiltà. SHARE POST Related Articles The National Book Council has rebranded! News 5th March, 2025 Read More Call for Delegates: Malta Named Focus Country for the 2025 Mediterranea Publishing Fellowship Initiatives 28th February, 2025 Read More The National Book Council at the 2025 London Book Fair News 25th February, 2025 Read More NBC and Wikimedia Malta announce Wikimedians in Residence for National Book Prize Project News 20th February, 2025 Read More National Book Prize 2025 – Applications Are Open National Book Prize 17th February, 2025 Read More NBC empowers local stakeholders at the London Book Fair 2025 Literary Exports 11th February, 2025 Read More The NBC’s Annual Report For 2024 News 4th February, 2025 Read More Festivals, Funds And Initiatives In 2025: Key Dates Festivals 29th January, 2025 Read More Join the NBC at the London Book Fair 2025: Guest Passes for NBC stakeholders from Malta Literary Exports 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri wins the Novels for Youth Literary Contest 2024 Literary Contests 13th January, 2025 Read More view all similar news
Call for Delegates: Malta Named Focus Country for the 2025 Mediterranea Publishing Fellowship Initiatives 28th February, 2025 Read More
NBC and Wikimedia Malta announce Wikimedians in Residence for National Book Prize Project News 20th February, 2025 Read More
NBC empowers local stakeholders at the London Book Fair 2025 Literary Exports 11th February, 2025 Read More
Join the NBC at the London Book Fair 2025: Guest Passes for NBC stakeholders from Malta Literary Exports 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri wins the Novels for Youth Literary Contest 2024 Literary Contests 13th January, 2025 Read More