Home / News / Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Alex Vella Gera back to news Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Alex Vella Gera Inizjattivi • Other • Produzzjonijiet awdjoviżivi • Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur 16th August, 2017 “Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur” hija inizjattiva ġdida tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fejn awturi Maltin li ġew ippremjati ta’ xogħolhom huma mitluba jwieġbu tliet mistoqsijiet dwar wieħed mill-kotba tagħhom. Il-mistoqsijiet huma maħsuba biex iwasslu lill-awturi jitkellmu dwar punti ta’ interess ġenerali bil-għan li jiġbdu l-attenzjoni ta’ parti kbira tal-pubbliku qarrej u jqanqlu l-interess tagħhom fil-kotba murija. Nibdew is-sensiela b’taħdita ma’ Alex Vella Gera dwar il-ktieb tiegħu Trojan. Alex Vella Gera (imwieled fl-1973) issa jgħix fi Brussell, fejn jaħdem bħala traduttur għall-Unjoni Ewropea. Fl-2011 kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja kbira dwar iċ-ċensura f’Malta wara l-pubblikazzjoni tan-novella espliċita tiegħu Li Tkisser Sewwi fil-gazzetta universitarja Realtà . Huwa ppubblika l-ewwel rumanz tiegħu L-Antipodi fl-2010. Fl-2013 rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-proża bit-tieni rumanz tiegħu, Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi. L-aħħar rumanz tiegħu, Trojan rebaħ ukoll il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-proża fl-2016. M: Il-protagonist ta’ Trojan, Ġanni Muscat, huwa karattru paradossali. Xi qarrejja, bħal Jean Paul Gové fir-reċensjoni tiegħu fuq Goodreads, esprimew dubji dwar il-kredibilità tal-karattru. Sostnew li jsibuha diffiċli li jemmnu li l-awtur ta’ dak li jidher li huwa xogħol profond tal-letteratura, L-Għanja tas-Sirena, ibiddel it-twemmin tiegħu biex iħaddan verżjoni tant primitiva u simplistika tal-Kristjaneżmu. Saħansitra li, kif spiss jintqal fir-rumanz, jidher li jxaqleb lejn it-tip ta’ estremiżmu li llum il-ġurnata huwa assoċjat mat-Taliban u l-Isis. Int verament temmen li dan jista’ jiġri lil xi ħadd ta’ sensibilità artistika? Mhux li jsiru konservattivi imma li jispiċċaw iħaddnu fehmiet estremisti bħal dawn? T: Iva naħseb huwa possibbli. Imma naħseb qed tieħdu wisq litteralment. Pereżempju, inti ċert li L-Għanja tas-Sirena huwa rumanz profond? Qrajtu? Le, kull m’għandek għajdut u xi kwotazzjonijiet minn kbarat tal-letteratura Maltija passata. Kemm inti fiduċjuż li taqbel magħhom fl-analiżi tagħhom tar-rumanz ta’ Muscat? Ukoll, iva, jxaqleb lejn l-estremiżmu, b’nuqqas ta’ tolleranza lejn ħsibijiet u modijiet ta’ għajxien differenti minn dak li huwa jemmen (jaf mhux jemmen, għax għalih huwa fatt mhux xi ħaġa li tista’ tiġi diskussa) iżda hemm mument fir-rumanz fejn saħansitra jieħu azzjoni jew jagħmel xi ħaġa li tirrifletti dan it-twemmin? Hemm mument fejn tabilħaqq jgħid li issa xjaħ u kieku kien iżgħar kien ikun iżjed effettiv. X’aktarx qed jaħseb li l-estremiżmu tiegħu jista’ jkun biss internalized? Imma biex inkompli mal-mistoqsija tiegħek, iva naħseb li anke persuna ta’ sensibilità artistika jista’ jsir estremist. Anzi, forsi huwa iżjed faċli, għax sensibilità artistika fiha nnifisha għanda tendenzi lejn l-estremiżmu. Ma taħsibx? X’aktarx qed tgħid li mhijiex kredibbli l-mindset ta’ Ġanni Muscat. U nasal naqbel miegħek li kieku kien ħa azzjoni b’xi mod, billi daħal f’xi għaqda ta’ nies jaħsbuha bħalu u jagħmlu sabutaġġ jew affarijiet simili. M: F’intervisti li inti tajt wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb, esprimejt ċertu simpatija għal Ġanni Muscat, mhux biss għall-karattru imma anki għall-fehmiet tiegħu. Mhux li ssostni l-estremiżmu tiegħu, ovvjament, iżda tidher li taqbel ma’ Ġanni rigward l-ipokrisija tas-sistema li ssostni dawk li Ġanni jsejjaħ “l-aristokraziji tal-minoranzi” f’isem il-liberaliżmu. Bħal donnok timplika ukoll li din hija l-istess ipokrisija li ħolqot il-kunċett ta’ korrettezza politika. Jekk hu minnu, kemm kienet importanti din il-konsiderazzjoni fit-tfassil tar-rumanz? T: Ġanni Muscat huwa dak li ngħidlu barrani f’pajjiżu, u huwa stat li minn dejjem kien jiġbidni u jintrigani, forsi għal raġunijiet personali, ta’ esperjenza personali. Minn dak il-lat nissimpatizza lejh bħala speċi ta’ Don Kwixott jattakka l-irdieden. Iżda hemm ukoll l-element ideoloġiku. Huwa persuna li jara l-affarijiet minn lenti estrema. Dan għaliex iħossu taħt attakk mid-dinja moderna. NIssimpatizza miegħu minn dak il-lat ukoll, parti minnha għaliex nista’ nħoss dak li jħoss hu (mingħajr ma naqa’ fl-estremitajiet li jaqa’ hu, għaliex jiena ma nħaddanx it-twemmin tiegħu), fis-sens li nista’ nifhem kif iħossu raġel bħalu fejn id-dinja li jħossu sigur fiha qed tgħaddih biż-żmien, u sa ċertu punt ukoll, nissimpatizza għaliex huwa minnu li l-mindset liberali minn xi daqqiet tirritani ħafna, għalkemm inqis lili nnifsi liberali ħafna. Is-simpatiji tiegħi joriġinaw, x’aktarx, fis-simpatija li nħoss lejn l-underdog, u jintrigani l-fatt li Kattoliku ferventi sar l-underdog f’pajjiz Kattoliku. Barra mill-indifferenza li nara fil-liberali lejn il-“vittmi” tar-rebħiet u l-kisbiet tagħhom f’dawn l-aħħar snin. In-nuqqas ta’ empatija miż-żewġ naħat insibu ispirazzjoni. M: Ara din is-silta mill-ktieb: “Imma ngħid jien”, reġa’ ndaħal l-istudent l-ieħor, qisu x-xitan qed ideffes denbu, “il-moderniżmu, is-surreliżmu, id-dadaiżmu, dawn l-istrateġiji kienu jaqblu mal-ispirtu Malti? Huma għodda xierqa biex tiġi espressa s-sensibilità Maltija? Fis-snin sebgħin kontu mingħalikom kontu qed tkunu moderni meta s-surrealiżmu kien ilu li miet nofs seklu. Il-Maltin f’kollox għadhom lura u jaslu tard. Imma s-surrealiżmu, anke fl-aqwa tiegħu x’ kien jekk mhux l-iskart, il-ġenn u l-barbariżmu li kien baqa’ wara li mietet iċ-ċivilizzazzjoni fil-Gwerra l-Kbira? Kellhom id-dritt il-Maltin jikkapparaw is-surrealiżmu biex jagħmlu impatt stilistiku, mingħajr ma indagaw fil-fond dwar il-fundamenti ta’ dik l-estetika?” Dan huwa d-diskors ta’ wieħed mill-istudenti li jmur jintervista lil Ġanni. Kemm taqbel mal-analiżi tal-istudent u r-raġunar tiegħu? T: Ma naqbel xejn mar-raġunar tal-istudent anke jekk għandu punt, iżda huwa punt imsejjes fuq ix-xewqa li lil Ġanni jġibu f’diffikulta, mhux biex jinkiseb xi għarfien mill-istqarrija, iżda biex jimbarazzah. Huwa attakk ta’ żagħżugħ, diskors “high falutin” kienu jgħidu l-Amerikani. Ma naqbilx għaliex kull mezz ta’ espressjoni artistika, iva titwieled f’post u fi żmien partikolari, iżda kull kultura tista’ teħodha u tagħmilha tagħha, f’kuntesti ġodda. Is-surrealiżmu Amerikan mhuwiex is-surrealiżmu Franċiż. L-idea ta’ dan l-istudent li l-Maltin ma kinux lesti jew kapaċi jkunu surrealisti fl-opinjoni tiegħi hija espressjoni ta’ nuqqas ta’ kunfidenza, kumpless ta’ inferjorita, fejn l-artist Malti huwa dejjem mgħakkes mill-ġudizzju spjetat tal-Malti. Iżda, fl-istess waqt, il-kittieba tal-Qawmien Letterarju fis-60ijiet u s-70ijiet li mingħalihom kienu fl-avangwardja, għalkemm lokalment kienu, ġieli nħoss li jħarsu lura lejn żmienhom mingħajr sens ta’ awtokritika u proporzjon. Iva, li tkun fl-avangwardja Malta mhux xi ħaġa li tarmiha, iżda ejjew naraw l-istampa l-kbira il-ħin kollu, mingħajr dak il-preġudizzju li jgħakkes l-artist Malti iżda b’lenti realista u daqsxejn umiltà. SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More