Skip to content

L-awtriċi rinomata Spanjola Esther García Llovet mistiedna speċjali waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026

Image of L-awtriċi rinomata Spanjola Esther García Llovet mistiedna speċjali waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026

L-awtriċi rinomata Spanjola Esther García Llovet se tkun mistiedna speċjali waqt il- Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena, li se jsir fl-MFCC f’Ta’ Qali bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru, u huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK).

García Llovet se tiġi intervistata mill-artista interdixxiplinarja, produttriċi tal-films u riċerkatriċi Charlie Cauchi nhar il-Ħamis, 6 ta’ Novembru fis-19:00 fis-Sala tal-Kittieba. Id-dħul huwa bla ħlas imma kull min se jattendi jrid jirreġistra permezz ta’ Submittable hawnhekk.

Is-sehem ta’ García Llovet isaħħaħ l-iskeda ta’ mistiedna internazzjonali fil-Festival ta’ din is-sena, li se jkollu l-unur li jilqa’ wkoll lil Ian Rankin, il-kittieb Skoċċiż famuż tal-kitba ġjalleska.

García Llovet twieldet f’Málaga fl-1963. Fl-1970, marret tgħix Madrid biex tistudja l-psikoloġija klinika u d-direzzjoni tal-films, u għadha tgħix hemm sal-lum il-ġurnata. Bdiet tikteb fis-sena 2000, u kitbet 8 rumanzi, inklużi t-tliet rumanzi tal-ġabra magħrufa tagħha Snapshot Trilogy ta’ Madrid. Spanish Beauty huwa l-ewwel episodju tat-triloġija l-ġdida tagħha, It-Triloġija tal-Lvant Spanjol.

Xogħolha kiseb suċċess mal-kritiċi u huwa magħruf għall-istil ċinematiku tiegħu u r-realiżmu Chandleresk distint tiegħu. García Llovet tikteb f’diversi antoloġiji u gazzetti, tittraduċi mill-Ingliż u għamlet isem ukoll fid-dinja tal-fotografija.

Ix-xogħlijiet narrattivi ta’ García Llovet naqqxu lok sinifikanti fil-finzjoni kontemporanja internazzjonali, billi joffru lill-qarrejja titwila bla xinxilli lejn Spanja tal-lum il-ġurnata. Fi Spanish Beauty, Llovet tbiddel il-moqżież fi sbuħija mhux tas-soltu, u tuża l-estetika ġjalleska noir biex tiddeskrivi lil Benidorm, il-belt tal-port magħrufa għax-xalar. The Times Literary Supplement tiddeskrivi Sánchez, it-tieni xogħol tagħha maqlub għall-Ingliż, bħala “rumanz dwar il-mistkerrah fil-belt tlellex ta’ Madrid”. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri qal, “Ninsabu ħerqanin immens li nilqgħu lil Esther García Llovet fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb din is-sena, peress li hi żieda ideali għall-avveniment tagħna għal ħafna raġunijiet. Xogħolha huwa msejjes fuq is-sensibbiltà Mediterranja li ħafna qarrejja Maltin huma familjari magħha, minkejja l-partikolaritajiet tal-ambjent Spanjol.” Huwa rringrazzja lill-Ambaxxata Spanjola f’Malta tal-appoġġ tagħha sabiex l-awtriċi setgħet tipparteċipa f’dan l-avveniment.

Camilleri żied jgħid, “Permezz tal-ħakma tagħha kemm tal-idjoma ċinematika, kif ukoll tal-għodod ġjalleski, ir-rumanzi tagħha jippermettu lill-qarrejja jħarsu mill-qrib lejn il-vera Spanja – mhux Spanja mil-lenti turistika. Ir-rumanzi juru l-abbiltà dejjiema tal-letteratura li tikkomunika lil hinn mill-klixejiet u n-narrattiva stabbilita biex tiżvela l-veritajiet aktar profondi.”

“Allura għal darb’oħra nistiednu lill-viżitaturi – ejjew Skopru l-Istorja… u l-ħafna stejjer li se jkunu offruti waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.”

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru fl-MFCC f’Ta’ Qali. Esther García Llovet se jkollha diskussjoni ma’ Charlie Cauchi waqt avveniment pubbliku nhar il-Ħamis, 6 ta’ Novembru fis-19:00. Wara l-avveniment, se tiffirma l-kotba tagħha. L-attendenza hija bla ħlas, iżda kull min jixtieq jattendi jrid jirreġistra permezz ta’ Submittable.

Il-parteċipazzjoni ta’ Esther García Llovet setgħet issir bis-saħħa tal-għajnuna tal-Ambaxxata ta’ Spanja f’Malta.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.