Skip to content

Ejja Skopri l-Istorja – Jitnieda l-Poster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026!

Image of Ejja Skopri l-Istorja – Jitnieda l-Poster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026!

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir jiżvela l-poster uffiċjali għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li se jsir fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru. 

Il-Festival, li issa dieħel fis-47 edizzjoni tiegħu, kiber qatigħ. L-edizzjoni tas-sena li għaddiet attirat aktar minn 40,000 persuna lejn it-tinda l-kbira tal-MFCC għal ħamest ijiem mimlijin bix-xiri tal-kotba u b’avvenimenti dwar il-ktieb, b’aktar minn 40 esebitur ibigħu l-kotba tagħhom waqt li kien għaddej programm ta’ iżjed minn 100 avveniment li żamm lil kulħadd, kienet x’kienet l-età, intrigat u interessat.

Il-poster, disponibbli biż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ Malta, huwa frott il-kollaborazzjoni bejn il-fotografu Tümer Gençtürk u d-disinjatriċi grafika Angele Azzopardi ta’ UNGL Studio. Huwa jaqbad perfettament l-essenza tal-festival ta’ din is-sena, kif jiġbor l-islogan ta’ din is-sena, “Skopri l-Istorja”.

Waqt li jevoka l-estetika noir tar-rumanzi tad-ditektivs, il-poster – bħal dejjem, il-kulminu tal-identità viżiva tal-Festival – jiġbed lill-viżitaturi prospettivi f’dinja eċitanti ta’ misteru, filwaqt li jistieden lil kulħadd jiskopri dak il-ktieb perfett li donnu nħoloq apposta għalihom, fiċ-ċelebrazzjoni ewlenija tal-kultura letterarja f’Malta.

“Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb stabbilixxa lilu nnifsu bħala appuntament annwali fil-kalendarju kulturali Malti. Filwaqt li l-evoluzzjoni kontinwa tiegħu hija essenzjali biex jibqa’ jittella’, il-valuri ewlenin tiegħu jibqgħu l-istess – it-trawwim tal-imħabba lejn il-ktieb għall-viżitaturi minn kull qasam tal-ħajja,” spjega ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri.

Filwaqt li faħħar l-estetika tal-poster, Camilleri żied jgħid li l-approċċ magħżul iservi wkoll bħala ħjiel għal min se jkunu l-mistednin internazzjonali speċjali li se jingħaqdu fl-edizzjoni tal-Festival tal-2026, li se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-poster se jieħu l-ħajja bit-tnedija tal-filmat tal-Festival, maħluq minn Rupture Studio, u li se jitnieda fil-bidu ta’ Settembru.

Camilleri kompla jgħid, “Kemm il-poster u t-trailer għandhom laqta ċinematika li żżid saff irreżistibbli fil-kampanja promozzjonali tagħna, u tali qabża fil-kwalità tirrifletti l-motivazzjoni tal-KNK sabiex ikabbar il-Festival u jtejjeb l-esperjenza għal dawk kollha involuti – kemm viżitaturi u kemm esebituri.”

Aktar tagħrif fuq il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Aġġorna ruħek billi ssegwi l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fuq Facebook, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fuq Instagram, u billi tiċċekkja l-paġna dwar il-Festival fuq is-sit tagħna hawnhekk

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.