Skip to content

Jitħabbru l-Finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026

Image of Jitħabbru l-Finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iħabbar il-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, għall-kotba ppubblikati fl-2025. Il-Premju – li l-ewwel edizzjoni tiegħu kienet fl-1971 – huwa l-ogħla ġieħ letterarju mogħti lil awturi, edituri, tradutturi, pubblikaturi u illustraturi għal kotba ppubblikati f’Malta.

Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija se jitħabbru waqt ċerimonja speċjali fil-25 ta’ Settembru. Il-kotba rebbieħa se jingħataw promozzjoni fuq diversi mezzi, kif ukoll jiġu esebiti waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026 li se jsir bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru fl-MFCC, Ta’ Qali.

Is-47 finalist tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 intgħażlu unanimament minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti skont damma ta’ kriterji stabbiliti. Hemm 32 ktieb finalist f’sitt kategoriji ta’ kotba għall-adulti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u 15-il ktieb finalist fil-kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. 

Bejn dawn il-finalisti hemm 14-il pubblikatur u erba’ kittieba awtoppubblikati, 49 awtur, traduttur, editur u illustratur differenti. Seba’ illustraturi kkontribwew bl-illustrazzjonijiet tagħhom fil-kotba finalisti fil-kategoriji ta’ kotba għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fih tmien kategoriji għall-adulti, li huma r-Rumanzi, in-Novelli, il-Poeżija, id-Drama, il-Letteratura mhux Fittizja, il-Proża Fittizja Tradotta, ir-Riċerka, u r-Riċerka Storjografika, u seba’ kategoriji għal kotba tat-tfal u ż-żgħażagħ li jinkludu Kotba tal-Istampi għat-Tfal (etajiet 0-7), Kotba għat-Tfal (etajiet 8-12), Letteratura Sportiva għat-Tfal u ż-Żgħażagħ (etajiet 8-16), Letteratura għaż-Żgħażagħ, Kotba tal-Istampi Tradotti għat-Tfal (etajiet 0-7), Kotba Tradotti għat-Tfal (etajiet 8-12), u Letteratura għaż-Żgħażagħ tradotta. Dis-sena ma kien hemm l-ebda sottomissjoni għall-kategoriji l-oħra tal-Letteratura għaż-Żgħażagħ Tradotta u l-Letteratura Sportiva għat-Tfal u ż-Żgħażagħ (etajiet 8-16), kategorija ġdida li ddaħħlet dis-sena f’kollaborazzjoni ma’ Sport Malta.

B’differenza mis-snin ta’ qabel, il-kategoriji kollha li rċivew sottomissjonijiet huma inklużi mal-finalisti.

Il-proċess tal-aġġudikazzjoni dis-sena beda fl-24 ta’ Frar 2026 bl-iċċekkjar u l-klassifikazzjoni tal-kotba kollha sottomessi sa tmiem il-perjodu tas-sottomissjonijiet fl-20 ta’ Frar. Meta ntemmet din l-ewwel fażi ta’ aġġudikazzjoni, total ta’ 163 ktieb eliġibbli ġew ikkonfermati li kienu qegħdin jikkompetu f’din l-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-lista ġiet ippubblikata fit-30 ta’ Marzu 2026.

L-aġġudikanti esprimew entużjażmu dwar il-kwalità għolja fost is-sottomissjonijiet, b’mod speċjali fil-kategoriji tal-Poeżiji u n-Novelli, billi fil-kategorija tal-Poeżiji kien hemm eżempji tajbin ħafna ta’ esperimentazzjoni bl-istruttura u l-forma, filwaqt li fil-kategorija tan-Novelli, kien hemm sottomissjonijiet ta’ standard għoli permezz ta’ vuċijiet distinti u oriġinali.

B’mod simili, fil-kategoriji tar-Riċerka u tal-Letteratura Mhux Fittizja kien hemm xogħlijiet varji ta’ perspettivi friski, li wħud minnhom kellhom ukoll livell għoli ta’ produzzjoni viżiva, filwaqt li ġie spjegat li x-xogħlijiet finalisti fil-kategoriji tal-Proża Fittizja u tat-Traduzzjoni kellhom livell tajjeb ta’ ambizzjoni letterarja, u kienu ta’ sinifikat kulturali u letterarju ċar fil-lingwa Maltija.

Madankollu, filwaqt li l-kategorija tar-Rumanzi kellha xogħlijiet b’saħħithom li sabu posthom mal-finalisti, maġġoranza inkwetanti ta’ xogħlijiet sottomessi inkludew karattri neqsin minn profondità psikoloġika u motivazzjonijiet ċari għall-aġir tagħhom (“l-avvenimenti jiġru sempliċiment biex jiġru, l-affarijiet jintqalu sempliċiment biex jintqalu”), filwaqt li xi xogħlijiet miktubin bl-Ingliż ma kellhomx ħakma idjomatika u naturali tal-lingwa. Dan il-kumment intqal ukoll dwar xi sottomissjonijiet bl-Ingliż fil-kategoriji tan-Novelli u l-Poeżija.

L-aġġudikanti għamlu wkoll aċċenn għall-użu tal-IA f’wieħed mit-testi fil-kategorija tar-Rumanzi, kif ukoll f’kotba sottomessi fil-kategorija ta’ 0-7 snin għall-Premju għall-Kotba għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Dan irriżulta f’xogħlijiet ripetittivi u ġeneriċi żżejjed.

Abbażi ta’ feedback simili mill-aġġudikazzjoni fl-edizzjonijiet preċedenti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll imwieżen mill-involviment kontinwu tiegħu mal-imsieħba, il-KNK se jkompli għaddej bl-isforzi tiegħu sabiex isaħħaħ is-settur letterarju Malti permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi, kif iddikjarat ukoll fil-Viżjoni Strateġika għal Ħames Snin għall-2025-2030. Din is-sena stess, il-Kunsill offra korsijiet prestiġjużi online bla ħlas dwar l-editjar letterarju u dwar il-kitba tar-rumanzi, li mill-ewwel ġibdu ħafna interess mingħand edituri u kittieba lokali.

Sal-2027, il-KNK għandu l-intenzjoni li jifformalizza bis-sħiħ il-pożizzjoni tiegħu fuq l-użu tal-IA, li se tapplika għall-inizjattivi u l-konkorsi kollha li jorganizza.

Il-maġġoranza sħiħa tal-kotba finalisti fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huma disponibbli fil-ħwienet tal-kotba lokali u online, u se jkunu disponibbli fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026 (4-8 ta’ Novembru) li se jsir fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC), Ta’ Qali.

Għal aktar tagħrif dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 u l-inizjattivi kollha tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, segwina fuq Facebook jew żur www.ktieb.org.mt

Il-lista sħiħa ta’ kotba finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 tista’ tiġi aċċessata minn hawnhekk, jew fil-listi t’hawn taħt

Rumanzi

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Sunset ExilesM.J. CamilleriMerlin Publishers
Fis-sema hekkda fl-artDavid AloisioMerlin Publishers
Eħlisna mid-deniKarl SchembriMerlin Publishers
KultDaniel SchembriAwtoppubblikat / Self-published

Novelli

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Ah!Immanuel MifsudKlabb Kotba Maltin
Is-sajf mhux għat-tfalLon KirkopMerlin Publishers
Miti Maltin Monstri U KreaturiRowena GrechKlabb Kotba Maltin
Il-Ġeografija tal-Irmied u l-ĠwienaħMurad ShubertKlabb Kotba Maltin
Doqqli, Doqqli Ħa Tferraħni u Stejjer OħraReno BorgKite Group

Poeżiji

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Poetry MapsMatthew Schembri (ed.)Awtoppubblikat / Self-published
Ix-xita tinżel rasha ‘l isfelFrancesco GrechMerlin Publishers
dahri darekKlara VassalloAwtoppubblikat / Self-published
Unsilenced: Poems for PalestineJohn P. PortelliHorizons
Lemonade Mariella CamilleriKotba Calleja

Drammi

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Il-Każin tal-ImqarbinLuke SaydonSaydon Studio
sitt ġrajjiet u naqra għala spiċċajna (kif spiċċajna)Leanne EllulMerlin Publishers

Proża Fittizja Tradotta

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Isem il-Warda (Umberto Eco)Adrian StivalaKlabb Kotba Maltin
Meta Ġej? (Iris Wolff)Alfred ScalpelloHorizons
Milarepa (Éric-Emmanuel Schmitt)Toni AquilinaFaraxa Publishing
Luċjanu: Stejjer Veri (ta’ Luċjanu minn Samosata)Carmel Serracino; Andrew Debono CauchiKlabb Kotba Maltin

Letteratura Mhux Fittizja

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Diplomat by DestinyGeorge SalibaSKS Publishers
Antoloġija 2Loranne Vella u Joe Gatt (editors)Aphroconfuso
QarnRomeo Roxman GattAphroconfuso
WrinklesPaul CaruanaMidsea books

Riċerka

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Mapping a Moral Consensus: Calibrating an Ethical Compass for the FutureRaymond Zammit; Stefan AttardKIte Group
Studies in Maltese Regulation: Consumer ProtectionDavid FabriMidsea Books
The Malta Royal Opera House Power, Culture, and the StageVicki Ann CremonaKite Group; Fondazzjoni Patrimonju Malti
Casa Manresa in Floriana: A House of FormationNicholas Joseph Doublet (editor)Arċidjoċesi ta’ Malta; Kite Group

Riċerka Storjografika

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Titles to Talkies: An Incomplete History of Film Culture & Industry in Malta – The First Fifty YearsCharlie CauchIFondazzjoni Patrimonju Malti
25 for 25 – Heirlooms for PosterityCharles J. Farrugia; George Cassar; Evelyn Pullicino (editors)The Friends of the National Archives of Malta
A Mediterranean History of Modern Art Volume 1: Tension between History and MetahistoryGiuseppe Schembri BonacIHorizons
100 Years of Photography in Malta (1839-1939)Charles Paul AzzopardiMidsea Books

Kotba għat-Tfal (Etajiet 0–7)

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Kalzetti u furfiċettiLeanne Ellul, Mark Scicluna (ill.)Merlin Publishers
Great Ideas Start SomewhereRebekah Kamsky, Irina Drazhina (ill.)Awtoppubblikat / Self Published
Tales from San Anton Gardens: The Garden and IFrancesca Tabone, Naomi Gatt (ill.)Faraxa Publishing

Kotba għat-Tfal (Etajiet 8-12)

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Milied Aħdar f’Ħal MiżwedDavid Aloisio, Louiselle SciberrasHorizons
Is-sħaħar ta’ Petut 4: Minċott ħajt aħdarClare Azzopardi, Deandra Scicluna (ill.)Merlin Publishers
Kaħlani: Skoss pożi u karamboliClare Azzopardi; Leanne Ellul, Romont Willy (ill.)Merlin Publishers
Dawra mad-dinjaChristine Ciappara, Naomi Gatt (ill.)Merlin Publishers
It-Tieni Gwerra Dinjija: il-kunflitt li biddel lil MaltaChilion Mangion, Kimberly Azzopardi (ill.)Heritage Malta Publishing

Letteratura għaż-Żgħażagħ

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
The AstromegasMarcus AzzopardiKotba Calleja
L-Ifirsa tal-Mejda t-TondaNorman C. BorgHorizons
Ta’ Taħt Fuq: Il-Missjoni tal-MostruMatthew SchembriMerlin Publishers
be;n il-kmiemLeanne EllulMerlin Publishers

Kotba tal-Istampi Tradotti għat-Tfal (etajiet 0-7)

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Lupettin iżur razzett (Orianne Lallemand, Éléonore Thuillier)Clare AzzopardiMerlin Publishers
Lupu Lupettu jħobb id-dinosawri (Orianne Lallemand, Éléonore Thuillier)Clare AzzopardiMerlin Publishers

Kotba Tradotti għat-Tfal (etajiet 8-12)

Isem il-Ktieb
Book Title
Awtur
Author
Pubblikatur
Publisher
Malvarina: Irrid insir saħħara (Susanna Isern, Laura Proietti)Clare AzzopardiMerlin Publishers




SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.