Skip to content

Għandek idea tajba għal ktieb? Ara ftit dal-kors li fetaħ illum

Image of Għandek idea tajba għal ktieb? Ara ftit dal-kors li fetaħ illum

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jikkollabora ma’ The Novelry – akkademja rinomata ta’ korsijiet ta’ kitba kreattiva – u qed joffri ‘The Big Idea’ lil 13-il kittieb minn Malta. Dan huwa kors ta’ sena dwar il-proża fittizja.

L-applikazzjonijiet miftuħin minn Submittable, u jagħlqu fit-22 ta’ Ġunju. L-applikanti jiġu aċċettati fuq bażi ta’ min japplika l-ewwel jinqeda l-ewwel.

Il-kors qed ikun offrut b’xejn lill-applikanti magħżula bħala parti mill-investimenti tal-KNK fil-professjonalizzazzjoni tal-industrija, u se jtul bejn il-5 ta’ Ottubru 2026 u l-5 ta’ Ottubru 2027. Dal-kors hu ddisinjat sabiex jgħin lil dawk l-awturi li għandhom idea inizjali ħalli jirfinawha qabel jibdew il-proċess ta’ kitba kreattiva. Is-sessjonijiet jieqfu biss għal ġimgħa fil-perjodu tal-Milied, u d-dati ewlenin jitħabbru wara li ssir ir-reġistrazzjoni.

Għalkemm il-lingwa tal-istruzzjoni se tkun bl-Ingliż, dan il-kors hu miftuħ għal min jikteb bi kwalunkwe lingwa. Il-kontenut se jkun dwar kunċetti ewlenin u prinċipji ta’ kitba kreattiva li jistgħu jiġu applikati kullimkien, irrispettivament mil-lingwa ta’ kitba.

‘The Big Idea’ jiffoka fuq l-iżvilupp tal-istorja, l-istruttura, il-kitba tajba ta’ pjan li jibnilek is-sodda, l-iżvilupp tal-karattri, u tekniki oħra relatati mas-sengħa tar-rakkuntar. Dawn kollha pedamenti għall-kitba ta’ rumanz. 

Il-kors jinkludi: 

●   30 lezzjoni strutturata;

●  Sessjoni waħda ma’ kowċ tal-kitba;

●  Aċċess ta’ sena għall-pjattaforma ta’ tagħlim ta’ The Novelry; u

●   Gwida minn awturi u edituri ppubblikati rebbieħa ta’ bosta premji.

Ħafna mis-sessjonijiet ikunu rrekordjati sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jerġgħu jisimgħuhom kemm-il darba jridu. 

Dawk li jirreġistraw jingħataw aċċess għal ħemel ta’ sessjonijiet u programmi live jew irrikordjati, li jinkludu mas-60 sessjoni oħra fix-xahar, ipprovduti minn The Novelry biex iwieżnu lil kittieba fi stadji differenti tal-proċess tal-kitba.

Kull min hu interessat imħeġġeġ jaqra d-dettalji dwar il-kors hawnhekk, fosthom l-istruttura tal-lezzjonijiet u x’inhu mistenni minnek sa minn qabel tirreġistra. Imħeġġin ukoll taqraw it-Termini u l-Kundizzjonijiet tal-KNK minn hawnhekk.

L-applikanti għandhom ikunu infurmati li għandhom ċans jirtiraw mill-kors sat-30 t’Awwissu 2026. Jekk ikun hemm min jirtira wara din id-data, ikollha titħallas il-miżata sħiħa ta’ €409.85. 

The Novelry hija skola ta’ kitba fittizja li tikkonsisti minn 15-il editur kollha b’esperjenza mal-Ħamsa l-Kbar tad-dinja tal-pubblikazzjoni bl-Ingliż, u magħhom jingħaqdu 30 kowċ tal-kitba li minnhom infushom kittieba best-sellers u rebbieħa ta’ bosta premji letterarji. L-iskola toffri korsijiet ta’ kitba u editjar, immexxija mill-kittieba Louise Dean li waslet mal-finalisti tal-Premju Booker, u l-parteċipanti jsibu komunità ta’ kittieba li tilqagħhom. Uħud minn dawk li ggradwaw minn The Novelry spiċċaw kitbu kotba li kienu bestsellers tan-New York Times u tas-Sunday Times, inkella ntgħażlu għar-Reese’s Book Club jew għal Read With Jenna.

‘The Big Idea’ miftuħ għal 13-il applikant minn Malta, u l-applikazzjonijiet isiru minn Submittable sat-22 ta’ Ġunju. Il-parteċipanti jintgħażlu abbażi ta’ min japplika l-ewwel jinqeda l-ewwel. Id-dettalji tal-kors minn hawnhekk, u t-Termini u l-Kundizzjonijiet tal-KNK minn hawnhekk. Jekk għandek xi mistoqsijiet kellem lil Ivania Attard fuq ivania.attard@gov.mt

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.