Home / ISBN u ISMN
In-Numru Internazzjonali Standard tal-Ktieb (ISBN) huwa numru ta’ 13-il ċifra li jidentifika b’mod uniku kotba u prodotti li jixbħu kotba ppubblikati internazzjonalment. L-ISBN huwa essenzjalment numru li bih il-pubblikatur, il-bejjiegħ tal-kotba, il-librar, il-bejjiegħ ta’ kotba mill-internet u entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam tal-kotba jistgħu jagħrfu l-ktieb partikolari għal skopijiet ta’ bejgħ, listi u rekords. L-ISBN jispeċifika r-reġistrant kif ukoll it-titlu, l-edizzjoni u l-format tal-istess ktieb. Sa l-aħħar ta’ Diċembru 2006, ISBNs kienu jiġu maħduma fuq 10 numri, iżda mill-1 ta’ Jannar 2007 ’l hawn in-numru beda jinħareġ bi 13. L-ISBNs jiġu kkalkulati b’formola matematika speċifika u jinkludu ċifra ta’ kontroll biex jivvalida n-numru.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-aġenzija uffiċjali għall-ħruġ tal-ISBN (Standard Internazzjonali tan-Numri tal-Kotba) f’Malta skont l-istandards u l-obbligi internazzjonali. Il-pubblikazzjonijiet kollha bl-ISBN maħruġ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huma elenkati fuq l-ISBN Book Database Malta.
Il-Pubbikatur, bħala organizazzjoni, kumpanija jew individwu responsabbli li jagħti bidu għall-produzzjoni tal-pubblikazzjoni, jista’ jitlob ISBN permezz tal-formola online tagħna għall-pubblikazzjoni/jiet tagħhom. L-applikanti huma spiss pubblikaturi kummerċjali, iżda jistgħu jkunu wkoll entitajiet oħra, kif ukoll l-awtur tal-ktieb jekk l-awtur ikun għażel li jippubblika għal rasu.
ISBN jista’ jinħareġ biss meta l-klijent jipprovdi lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bid-dettalji tal-publikazzjoni li għaliha se jintuża n-numru. Klijenti jistgħu japplikaw għal ISBN 1 sa 5 kull darba u jipprovdu d-dettalji mitluba. Din il-proċedura tiggarantixxi li n-numri li jinħarġu jkollhom sekwenza.
Applika għal ISBN billi timla l-formola t’hawn taħt.
Mill-1 ta’ Jannar 2020 l-ISBNs u l-ISMNs maħruġa mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb saru bla ħlas. Għal aktar informazzjoni dwar l-ISBN, aqra l-Manwal għall-Utenti tal-ISBN.
Mistoqsijiet jistgħu jintbagħtu bl-email fuq: michael.mercieca@gov.mt
L-ISMN (International Standard Music Number) huwa numru uniku li jidentifika l-publikazzjonijiet tal-mużika miktuba madwar id-dinja, kemm jekk għall-iskopijiet ta’ bejgħ jew sempliċement għall-użu ta’ silta mużikali. Huwa ddiżinjat biex jirrazzjonalizza l-proċess u l-kodifikazzjoni tal-mużika miktuba u l-informazzjoni biblijografika ta’ l-istess xogħol għad-djar ta’ publikazzjoni, is-suq tal-mużika u l-libreriji.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-aġent għall-ħruġ tal-ISMN f’Malta. Mill-1 ta’ Jannar 2020 l-ISBNs u l-ISMNs saru bla ħlas.
Oltre illi jalloka numri ISBN u ISMN għall-pubblikazzjonijiet, Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa fi dmir illi jiġbor id-dettalji ta’ kull pubblikatur (kemm jekk persuna kif ukoll bħala organizazzjoni) meta jirċievi l-ewwel applikazzjoni għall-numru ISBN/ISMN, kif ukoll jaġġorna din l-informazzjoni kull meta isir applikazzjoni oħra sussegwenti.
Id-detalji jistgħu jinkludu informazzjoni personali li hija imħarsa permezz tal-General Protection Regulation, bħall-isem tal-applikat, indirizzi elettroniċi, numri ta’ telefon u mobajl, numri fax, u indirizzi postali ta’ persuni. Aħna ngħaddu dawn id-dettalji lill-aġenzija illi tipprovdilna s-servizz, The International ISBN Agency, ħalli huma jniżżlu dawn id-dettalji fuq is-sit elettroniku tagħhom Global Register of Publishers database (GRP).
Jekk aħna ma nirċievu l-ebda notifika, aħna nikkunsidraw illi din l-informazzjoni tista’ tiġi mogħtija lill terzi persuni. Jekk fil-każ illi inti ma tridx xi dettal ikun ippubblikat fil-GRP, jekk jogħġbok, infurmana permezz ta’ imejl iffirmata u ibgħata permezz ta’ imejl lil michael.mercieca@gov.mt. Inti tista’ ukoll tbiddel il-prefernzi tiegħek billi tibgħat imejl iffirmata.
Applika għal ISMN billi timla l-formola t’hawn taħt.