Skip to content

Il-KNK Isellem il-Memorja tal-Aġent Ingliż u l-Ambaxxatur Letterarju għal Malta Simon Trewin

Image of Il-KNK Isellem il-Memorja tal-Aġent Ingliż u l-Ambaxxatur Letterarju għal Malta Simon Trewin

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jingħaqad mal-komunità letterarja internazzjonali sabiex isellem il-memorja tal-aġent letterarju Ingliż Simon Trewin, li miet fil-25 ta’ Ġunju, tliet xhur wara li ħa l-aħbar li għandu tumur f’moħħu. Huwa kellu 60 sena.

Trewin kien aġent veteran li l-klijenti tiegħu inkludew il-kittieb magħruf internazzjonalment John Boyne, l-awtur Irlandiż rebbieħ tal-Booker Prize Paul Lynch, u Sam Blake, il-kittieba ċelebri tar-rumanzi kriminali – li kollha kienu mistednin speċjali f’edizzjonijiet preċedenti tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Trewin għen lill-KNK bħala konsulent għal numru ta’ snin.

Bħala l-Ambaxxatur Letterarju għal Malta, Trewin kellu rwol importanti sabiex jgħin lill-Kunsill fl-isforzi tiegħu ħalli l-letteratura Maltija tilħaq udjenzi lil hinn minn xtutna.

Trewin ta’ sikwit kien ikun mistieden f’avvenimenti organizzati mill-KNK matul il-Fiera tal-Ktieb ta’ Londra, fejn kien jippromwovi lill-awturi lokali f’dawn il-kuntesti internazzjonali. F’dan l-avveniment ewlieni fl-industrija, fl-2024 huwa mexxa diskussjoni bl-isem “Beyond Island Horizons: Expanding Pathways for Literatures from the Margins”, li matulha, pubblikaturi, edituri u tradutturi ngħaqdu ma’ rappreżentanti tal-KNK u Literature Ireland sabiex jiddiskutu modi kif ekoloġiji letterarji iżgħar jistgħu jieħdu passi konkreti bil-għan li jdawru d-dgħufijiet evidenti tagħhom favurihom.

Bi tkomplija ma’ tali sforzi biex jiġu pprovduti modi vijabbli u tanġibbli ħalli l-letteratura Maltija tilħaq lill-persuni xierqa, Trewin kellu wkoll irwol kruċjali biex jgħin lill-KNK joħloq Literature from Malta, il-Katalgu għad-Drittijiet Barranin, li jippermetti lill-pubblikaturi lokali jesebixxu x-xogħlijiet li huma jqisu li huma lesti sabiex jiġu esportati. Il-gwida ta’ Trewin għenet lill-KNK joħloq katalgu li l-istruttura u d-disinn tiegħu huma attraenti u jistgħu jibqgħu jintużaw minn sena għall-oħra. B’edizzjoni ġdida maħruġa kull sena mill-2024 ’l hawn, il-katalgu issa sar għodda ewlenija tal-KNK biex jippreżenta l-kotba Maltin lill-pubblikaturi u l-aġenti interessati barra minn Malta.

Trewin kien jattendi wkoll regolarment il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, fejn kien b’mod ġeneruż jaqsam l-għarfien espert tiegħu ma’ dawk li jixtiequ jsiru awturi, pubblikaturi, tradutturi, edituri u mal-imsieħba letterarji l-oħrajn kollha permezz ta’ għadd ta’ avvenimenti, workshops u sessjonijiet ta’ speed-dating letterarji. Riċentament, Trewin espanda dan il-qsim tal-għarfien b’workshops online offruti permezz tal-KNK, miftuħin għall-pubbliku fuq Zoom u dejjem kompletament bla ħlas.

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri stqarr, “Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jinsab imnikket bl-aħbar li ħalliena Simon Trewin.”

“Kull min iltaqa’ miegħu dejjem intebaħ mill-ewwel bl-imħabba kbira tiegħu lejn il-letteratura, u bl-impenn dejjiemi tiegħu lejn l-awturi li kien jirrappreżenta – li wħud minnhom kellna x-xorti li nospitaw matul il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb tul is-snin. U bis-saħħa tal-pariri u l-isforzi tiegħu fuq l-istrateġija tagħna ta’ internazzjonalizzazzjoni, inħossu li huwa xieraq li niddeskrivu lil Simon bħala xi ħadd li kkontribwixxa b’mod attiv u pożittiv fit-tiswir tas-settur letterarju Malti,” żied jgħid Camilleri.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iwassal il-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-qraba ta’ Simon Trewin f’dan il-mument diffiċli.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.