Skip to content

Skopri l-Istorja fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb!

Image of Skopri l-Istorja fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb!

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jinsab ħerqan biex jiżvela l-logo u t-tema ta’ edizzjoni oħra tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li se jsir bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali.

Din is-sena, għandna talba waħda għal dawk li se jattendu: ‘Skopri l-Istorja’ – missjoni xierqa għaċ-ċelebrazzjoni ewlenija tal-kultura tal-kotba f’Malta, li issa dieħla fis-47 edizzjoni tagħha!

Għal darb’oħra b’kollaborazzjoni ma’ Angele Azzopardi ta’ UNGL Studio, il-KNK huwa ħerqan li jinawgura b’mod uffiċjali l-materjal promozzjonali għall-avveniment, b’identità viżwali li taqbel mat-tema investigattiva u esploratorja għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ dan l-avveniment kruċjali fil-kalendarju kulturali Malti.

“Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-aktar inizjattiva prominenti tal-Kunsill għall-pubbliku, imsejsa fuq legat twil iżda li evolva tul is-snin sabiex ilaħħaq max-xejriet dejjem jinbidlu tal-qari, tad-demografija u tal-użanzi kulturali,” spjega ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri. “Għalkemm jeħtieġ li nqisu l-bidla u t-tiġdid – kif għamilna b’suċċess kbir matul l-edizzjoni rekord tas-sena li għaddiet – aħna qegħdin hawn ukoll sabiex niċċelebraw l-pedament tal-festival u anke tal-kotba li jimlewh: li tiftaħ dak il-ktieb perfett li jinħass daqslikieku nkiteb speċifikament għalik, xprunat mis-sentiment ta’ skoperta friska u possibbiltajiet bla tmiem,” żied jgħid Camilleri.

Madankollu, it-tema ma tiqafx hemm. “Fix-xhur li ġejjin se nħabbru l-mistednin speċjali eċitanti għall-edizzjoni ta’ din is-sena. U l-att ta’ investigazzjoni u skoperta jinsab fil-qalba ta’ xogħolhom,” stqarr Camilleri, filwaqt li żied jgħid li l-awturi inkwistjoni jinkludu kittieb globali li biegħ eluf ta’ kotba ta’ ġeneru letterarju popolari ħafna, u kittieba li qed tagħmel isem fil-letteratura Ewropea u li tfaħħret fost il-kritiċi.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru fil-ħinijiet li ġejjin:

L-Erbgħa   4/11  09:00-21:00

Il-Ħamis     5/11  09:00-13:00; 17:00-21:00

Il-Ġimgħa   6/11  09:00-13:00; 17:00-21:00

Is-Sibt        7/11  09:00-21:00

Il-Ħadd       8/11  09:00-20:00

Se joħroġ aktar tagħrif dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb online fix-xhur li ġejjin. Sabiex tiskopri aktar, żur ktieb.org.mt jew fittex nationalbookcouncil_malta fuq Instagram u The Malta Book Festival fuq Facebook 

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.