Skip to content

ARA: Minn Malta għad-Dinja – Dokuserje dwar il-Letteratura Maltija Tradotta

Image of ARA: Minn Malta għad-Dinja – Dokuserje dwar il-Letteratura Maltija Tradotta

Minn Malta għad-Dinja hija dokuserje ta’ erba’ episodji dwar il-letteratura Maltija tradotta li tnediet fuq il-media soċjali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb 2026, u xxandret bejn l-aħħar t’April u nofs Mejju. Id-dokuserje nħolqot mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) b’kollaborazzjoni ma’ Side Street Malta.

Is-sensiela, li tiċċelebra x-xogħlijiet tal-awturi lokali li vvjaġġaw lil hinn minn xtutna – sikwit bl-għajnuna tal-Għotjiet tal-KNK għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni – filwaqt li tixħet dawl fuq l-arti tat-traduzzjoni, tiggwida lill-udjenza qalb uħud mill-istadji kruċjali u spiss injorati tal-proċess tal-esportazzjoni letterarja.

Kull episodju tas-sensiela, li fiha ħadu sehem l-awturi Immanuel Mifsud, Clare Azzopardi u Ryan Falzon; l-awtriċi u pubblikatriċi Loranne Vella; it-tradutturi Virginia Monteforte u Joe Gatt, u l-editriċi u traduttriċi Kat Storace, indirizza angolu differenti tal-proċess. Fost dawn l-angoli, l-awturi ddiskutew kif it-traduzzjoni saret ambizzjoni aktar vijabbli f’dawn l-aħħar snin, u t-tradutturi spjegaw xi dettalji dwar is-sengħa tagħhom, filwaqt li s-sensiela pinġiet stampa pożittiva tal-futur li għandha l-letteratura Maltija barra minn Malta.

B’dan il-ħsieb, u mmexxi mill-Viżjoni Strateġika 2025-2030, il-KNK se jkompli jespandi l-appoġġ tiegħu għall-esportazzjoni letterarja. Mill-preżenza kontinwa tiegħu f’fieri tal-kotba internazzjonali prominenti u permezz tal-Gwida dwar id-Drittijiet ta’ Barra, il-KNK se jiffoka wkoll fuq taħriġ kruċjali sabiex isaħħaħ il-ħiliet, bħall-kors fuq l-editjar letterarju li tħabbar riċentament, kif ukoll inizjattiva simili futura mmirata lejn l-awturi.

Ir-riżultati ta’ dawn l-inizjattivi jitkellmu waħedhom. Matul dawn l-aħħar snin, l-Għotjiet tal-KNK għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni raw varjetà bla preċedent fl-applikazzjonijiet minn pubblikaturi internazzjonali ħerqanin li jżidu l-letteratura Maltija mal-katalgu tagħhom. U din is-sena, il-Fond Malti tal-Ktieb – li s-sejħa għall-applikazzjonijiet tiegħu għalqet fid-19 ta’ Mejju – irċieva ammont rekord ta’ sottomissjonijiet, b’24 applikazzjoni għall-fergħa ta’ Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin biss, filwaqt li l-Għotja għal Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch ukoll attirat persentaġġ sostenzjalment akbar ta’ sottomissjonijiet meta mqabbel ma’ tas-sena li għaddiet.

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri qal, “Kif qalet sewwa Katryna Storace f’wieħed mill-episodji ta’ Minn Malta għad-Dinja, l-għotja għal traduzzjoni ta’ silta minn ktieb bħala pitch tibqa’ pass kruċjali għal awturi lokali li huma ħerqanin sabiex jesploraw il-possibbiltajiet li xogħolhom jiġi tradott.”

“U b’ħafna modi, dik l-għotja hija ‘mikrokożmu’ tal-approċċ tagħna lejn sforzi ta’ internalizzazzjoni responsabbli u li jiksbu r-riżultati: l-għotja tħeġġeġ lill-awturi jaħsbu b’mod strateġiku u skont ir-realtajiet tal-industrija. Billi jimmiraw li jittraduċu kampjun aktar diġestibbli qabel it-traduzzjoni ta’ manuskritt komplut, l-awturi jistgħu jipproduċu dokument b’mod iżjed effiċjenti li jgħinhom iwittu t-triq lejn taħditiet kruċjali ma’ persuni ewlenin internazzjonali.

“Tali traġitt jixhed perfettament l-approċċ tal-KNK. Aħna nimmiraw li nibnu strateġija sostenibbli bbażata fuq riċerka b’saħħitha, preżenza kultivata sew f’ambjenti internazzjonali, u msieħba lokali li jingħataw iċ-ċans li jtejbu l-ħiliet tagħhom u jiksbu għarfien sħiħ tad-drittijiet tagħhom,” żied jgħid Camilleri.

Watch all episodes of From Malta to the World below

Episodju 1

Episodju 2

Episodju 3

Episodju 4

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.