Skip to content

Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jilqa’ lill-ewwel Malti li qatt għamilha mal-lista reġjonali tal-finalisti

Image of Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jilqa’ lill-ewwel Malti li qatt għamilha mal-lista reġjonali tal-finalisti

Bord internazzjonali ta’ aġġudikanti għażel il-lista tal-finalisti tal-Premju Commonwealth għan-Novelli 2026, li fiha 25 kittieb minn 14-il pajjiż differenti. Dawn intgħażlu minn 7,806 sottomissjoni li kienu mifruxin bejn 54 pajjiż tal-Commonwealth. L-Erbgħa 13 ta’ Mejju se jitħabbru l-ħames rebbieħa reġjonali, li kull wieħed allura se jkun qed jirrappreżenta lir-reġjun fit-tellieqa finali li fiha mbagħad jitħabbar ir-rebbieħ fuq kulħadd, lejn l-aħħar ta’ Ġunju.

John Edward DeMicoli daħal fl-istorja għax huwa l-ewwel Malti li qatt għamilha mal-finalisti. Hemm tliet kittieba li reġgħu għamluha s’hawnhekk – Celeste Mohammed, Cosmata Lindie u Ola W. Halim – filwaqt li l-bqija kollha qed jidhru għall-ewwel darba mal-finalisti. Xi stejjer miktubin bil-lingwa oriġinali, ngħidu aħna l-Bengali u l-Malaj, intgħażlu wkoll, u dan jixhed il-karatteristika multilingwi tal-premju.

L-istejjer finalisti jħarsu lejn suġġetti u temi differenti ferm minn xulxin, minn relazzjonijiet familjali u stejjer tal-imħabba sa esperjenzi migratorji, diżastri naturali, u l-prezz uman tal-gwerra. Dawn l-istejjer jingħadu minn damma varjata u qawwija ta’ protagonisti – mużiċisti, atleti, ħaddiema migranti, saħansitra kelb tat-triq – u jivvjaġġaw minn kontinent għal ieħor u minn żoni rurali għal dawk urbani. F’dawn il-plots kollha jserrpu temi differenti bħat-telfa mill-mewt, l-imħabba pprojbita, u l-memorja u l-ispustament, huma u jqanqlu riflessjoni fuq l-identità, ir-reżiljenza u t-tiftixa qalbiena għall-appartenenza.

Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jingħata kull sena lill-aħjar xogħol fittizju qasir u mhux ippubblikat mis-56 membru tal-Commonwealth. Huwa l-aktar premju aċċessibbli u globali mill-kompetizzjonijiet kollha tal-kitba: apparti l-Ingliż, jistgħu jiġu sottomessi kitbiet bil-Bengali, iċ-Ċiniż, il-Creole, il-Franċiż, il-Grieg, il-Malaj, il-Malti, il-Portugiż, is-Samoan, l-Iswaħili, it-Tamil, u t-Tork. Għal dis-sena kien hemm żewġ stejjer sottomessi bil-Bengali u l-Malaj. Il-kittieba finalisti huma 11-il raġel u 14-il mara, kollha bejn il-25 u t-68 sena.

Iċ-Chair tal-Aġġudikanti, il-kittieba u drammaturga rebbieħa ta’ bosta premji Louise Doughty qalet hekk dwar il-Premju, “Kien l-akbar privileġġ tiegħi li nkun Chair tal-Aġġudikanti tal-Premju Commonwealth għan-Novelli. Ħajr lilkom aġġudikanti, lilkom mit-tim tal-Fondazzjoni Commonwealth – imma qabelxejn ħajr lill-kittieba kollha li kkompetew dis-sena. Xogħolna kultant deher impossibbli li nagħżlu, minħabba l-ammont sostanzjali ta’ kitba sabiħa u proża eċċellenti. Kif tista’ tqiegħed fuq l-istess miżien storja deskrittiva b’elementi ta’ realiżmu maġiku ma’ rendikont mifrux imma sottili tal-ħajja fil-belt? Kif se twarrab storja b’karattri mpinġijin bl-aħjar mod għal oħra li ħallietna bla nifs u rridu aktar? Finalment, l-għażla tagħna waqgħet fuq awturi li mhux biss eċċellaw fil-kitba, imma li skontna fehmu sewwa x’jeħtieġ il-ġeneru tal-kitba qasira, jiġifieri l-ħila li fi spazju qasir u bi ftit pinzellati tikteb xi ħaġa li jkollha l-potenzjal li tiżviluppa f’rumanz twil. Nemmnu li l-kittieba finalisti għandhom dawn il-kwalitajiet, u allura ma nistgħux ma nkunux kburin bl-għażla tagħna.”

Razmi Farook, id-Direttur tal-Fondazzjoni Commonwealth, l-organizzazzjoni intergovernattiva li tamministra l-Premju, kellu kliem ta’ tifħir għal kull min daħħal l-istorja tiegħu fl-edizzjoni tal-2026, filwaqt li żied jgħid, “Kull sena l-Premju Commonwealth qed isir aktar kompetittiv, u l-lista tal-finalisti ta’ dis-sena tixhed il-kreattività sinjifikanti li għandna mifruxa fil-pajjiżi tal-Commonwealth. Nirringrazzja lill-bord tal-aġġudikanti – speċjalment liċ-Chair Louise Doughty – għax-xogħol paċenzjuż tagħhom, u lil kull min ipparteċipa. Ir-rakkuntar tal-istejjer jibqa’ għodda ewlenija sabiex ninfetħu – u niftħu – għal narrattivi alternattivi ta’ vuċijiet u perspettivi li jġibu magħhom kuntesti u profonditajiet ġodda għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini tal-Commonwealth illum. Dan jgħinna nifhmu aħjar lil xulxin, biex flimkien inkabbru t-tama għal futur aktar inklussiv”.

Il-lista tal-finalisti kollha:

The 2026 shortlist in full:

L-AFRIKA

  • ‘Arewa Girls’ ta’ Hussani Abdulrahim (Niġerja)
  • ‘New Things’ ta’ Oluwatoke Adejoye (Niġerja) 
  • ‘Orchard of Blackbirds’ ta’ Lois Akoma Antwi (Ghana)
  • ‘Shock Me I Shock You’ ta’ Ola W. Halim (Niġerja) 
  • ‘The God under the Bed’ ta’ Dawn Immanuel (Niġerja)
  • ‘Me and Ma’am’ ta’ Lisa-Anne Julien (Afrika t’Isfel)
  • ‘The Runner’s Gift’ ta’ Ken Odak Odumbe (Kenja)

ASJA

  • ‘Mehendi Nights’ ta’ Sharon Aruparayil (Indja)
  • ‘The Miles Between Us’ ta’ Jacqueline Chang (Singapore) 
  • ‘Thirty-One Steps’ ta’ Rafaa Dalvi (Indja) 
  • ‘Fighting Elsewhere’ ta’ Rupsa Dey (Indja) 
  • ‘A Masculine Fest’ ta’ Anmana Manishita (Bangladesh) 
  • ‘The Missing Half’ (‘Separuh Yang Hilang’) ta’ Mohamed Nasser Mohamed (Malażja) tradott mill-Malay fl-Ingliż minn Pauline Fan
  • ‘No Spark in Mafiz’s Relationship’ (‘Mofiz – er Relation e Spark Nai’) ta’ Shazed Ul Hoq Abir (Bangladesh) tradott mill-Bengali għall-Ingliż minn Arunava Sinha u Shabnam Nadiya

KANADA U EWROPA

  • ‘Saudade’  ta’ Alison Armstrong (Renju Unit) 
  • ‘Chiddingfold’ ta’ Jennifer Harvey (Renju Unit) 

KARIBEW

  • ‘Pot Hound Republic’ ta’ Roger-Mark De Souza (Trinidad u Tobago) 
  • ‘Pom Pom Peedeem Pom’ ta’ Jason Dookeran (Trinidad u Tobago) 
  • ‘River Mouth’ ta’ Jochelle Greaves Siew (Trinidad u Tobago) 
  • ‘The Metamorphosis of Miss Alice’ ta’ Cosmata Lindie (Guyana) 
  • ‘Plenty Time’ ta’ Celeste Mohammed (Trinidad u Tobago)
  • ‘The Serpent in the Grove’ ta’ Jamir Nazir (Trinidad u Tobago) 

PAĊIFIKU

  • ‘Bitter Water Village’ ta’  M.S. Bhatia (Awstralja) 
  • ‘Second Skin’ ta’ Holly Ann Miller (New Zealand) 

Tista’ ssib ir-ritratti u l-bijografiji tal-awturi, u t-taqsira ta’ kull storja minn hawnhekk.

Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jitmexxa mill-Fondazzjoni Commonwealth.

Ħames aġġudikanti magħżula mill-ħames reġjuni tal-Commonwealth jingħaqdu ma’ Louise Doughty biex iffurmaw il-bord. Dawn huma: il-ġurnalist, awtur u kittieb tan-novelli Sud Afrikan Fred Khumalo (Afrika); il-kittieb, traduttur u esejist mill-Bangladesh Rifat Munim Dip (Asja); il-poetessa, rumanziera u skular Kanadiża minn Padlei Inuk Norma Dunning (Kanada u Ewropa); il-kittieba tan-novelli u r-rumanzi, u l-avukata Sharma Taylor mill-Ġamajka (Karibew); u l-poetessa, illustratriċi u awtriċi Maxine Beneba Clarke mill-Awstralja (Paċifiku).

Il-lista tal-finalisti tal-2026 tkun ippubblikata fil-fuljett online tal-Fondazzjoni Commonwealth adda (addastories.org), li jkun fih kitba ġdida mill-Commonwealth. L-aġġudikanti jagħżlu rebbieħ minn kull reġjun mill-ħamsa li ssemmew; ir-rebbieħa reġjonali jitħabbru l-Erbgħa 13 ta’ Mejju qabel ikunu ppublikati online fil-fuljett letterarju Granta. Ir-rebbieħ fuq kulħadd jitħabbar lejn l-aħħar ta’ Ġunju.

Skeda għall-2026

  • L-Erbgħa 13 ta’ Mejju: Tħabbira tar-rebbieħa reġjonali
  • Lejn l-aħħar ta’ Ġunju: Tħabbira tar-rebbieħ fuq kulħadd waqt iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni tal-Premju Commonwealth għan-Novelli

Ingħaqad magħna @cwfcreatives fuq Facebook,X,u Instagram u żomm ruħek aġġornat mal-Premju minn commonwealthfoundation.com/short-story-prize.

L-impatt globali fuq il-karrieri tal-awturi

Li tirbaħ jew li tkun finalist tal-Premju jiftaħlek il-bieb għal opportunitajiet li qabel ma kinux hemmhekk, u dawn jimbuttawk ’il quddiem fil-karriera tiegħek bħala kittieb jew kittieba. Ir-rebbieħ preċedenti Kwame McPherson jirreferi għal dan l-impatt, u jistqarr li “Meta rbaħt il-Premju sifirt mad-dinja kollha u stajt naqsam xogħli u r-rakkonti tiegħi. Għeni nkun aktar viżibbli mal-aġenti letterarji, u b’hekk sibt opportunitajiet oħra f’reġjuni differenti tad-dinja”.

L-awtur mil-Liswati u r-rebbieħ fuq kulħadd tal-2022, Ntsika Kota, irrimarka: “Qabel ma kontx inqisni xi ħadd li kelli karriera ta’ kittieb quddiemi, lanqas biss kont naraha bħala xi ħaġa realistika. Ir-rebħ tal-Premju huwa l-ġenesi tal-karriera tiegħi”.

Tess Little iddeskriviet l-esperjenza li tkun mal-finalisti bħala “riga ta’ kwalità milħuqa, tarġa importanti fil-binja tal-karriera tiegħi, u garanzija li dil-karriera se ttul”.

Ir-rebbieħa mir-reġjun Ażjatiku tal-2023, Agnes Chew mis-Singapore kitbet, “Il-Premju tani l-affermazzjoni, is-sapport u r-riżorsi li kienu kruċjali għalija sabiex xprunajt il-karriera tiegħi tal-kitba”. Minn dakinhar Agnes ippubblikat ġabra ta’ novelli, ġiet mistiedna tkun aġġudikanta fuq premji oħra, u bħalissa qed taħdem fuq l-ewwel rumanz tagħha.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.