Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħabbar il-bidu ta’ programm ġdid tar-radju b’kollaborazzjoni ma’ Rachelle Deguara. Il-programm, bl-isem ta’ ‘Taħt Il-Qoxra’, huwa maħsub biex jippromwovi kittieba lokali, ix-xogħlijiet u l-ħsibijiet tagħhom. Rachelle Deguara, li hija studenta u kant-awtriċi, se tkun qed titkellem mal-mistiedna tagħha dwar diversi temi: il-kotba, il-letteratura, il-politika u ġrajjiet kurrenti. Il-programm, li jitla’ għall-ewwel darba dan il-Ħadd 1 ta’ Ottubru, se jixxandar kull ġimgħa nhar ta’ Ħadd fuq Radju Malta 1 fis-6:15 ta’ filgħaxija live.

l-mistiedna tal-programm ta’ nhar il-Ħadd li ġej hija Leanne Ellul, il-kittieba tar-rumanz Gramma, wieħed mir-rebbieħa tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura  għaż-Żgħażagħ fl-2014. L-aħħar pubblikazzjoni ta’ Ellul – traduzzjoni għall-Malti ta’ Gosto de Ti tal-kittieba Portugiża Fernanda Serrano, Inħobbok!, ġiet magħżula bħala finalista għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (Terramaxka) fil-kategorija tat-Traduzzjoni: kotba għat-tfal (8-12). Bħala membru ta‘ Inizjamed, Ellul hija attiva ħafna fix-xena letterarja lokali u fl-2016 ingħatat il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Aħjar Kittieb Emerġenti.

Segwi l-intervista live fuq Radju Malta 1 il-Ħadd 1 ta’ Ottubru fis-6:15 ta’ filgħaxija. Din hija opportunità kbira biex titgħallem aktar dwar ix-xena letterarja tagħna direttament mill-awturi infushom. L-episodji se jkunu disponibbli wkoll għat-tniżżil mill-paġna fuq Facebook u mis-sit tagħna. Tista’ ukoll issegwi l-programm billi żżur il-paġna tal-Kunsill fuq Soundcloud.


Share Article