Fost il-mistiedna internazzjonali tal-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, hemm l-Iżraeljan Eran Katz li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb stieden fil-professjoni tiegħu bħala kelliem, awtur prolifiku u entużjast tal-ħiliet tal-moħħ. Katz se jkun qed jipparteċipa b’avvenimenti immirati kemm għall-kbar kif ukoll għat-tfal, u l-udjenza se jkollha ċ-ċans tiltaqa’ miegħu u ssir taf b’xogħlu.

Eran Katz huwa l-awtur ta’ seba’ kotba dwar il-qawwa tal-memorja u l-intelliġenza, fosthom Five Gifts for the Mind (2016) u Jerome becomes a Genius (2009) li t-tnejn li huma kisru rekords tal-bejgħ f’aktar minn għaxar pajjiżi differenti. Il-kotba tiegħu huma uniċi għax ilaqqgħu s-suspans ma’ ħiliet tal-ħajja, u anki għax inqalbu fi sbatax-il lingwa u rebħu premji letterarji varji. Huwa wkoll il-fundatur ta’ Smart Memory LTD, kumpanija li tipprovdi korsijiet online għall-istudenti u l-adulti biex ittejjeb il-memorja, u ta aktar minn 2,000 lekċer u seminar lil istituzzjonijiet edukattivi, kumpaniji u waqt konvenzjonijiet dinjija dwar il-memorja u l-qawwa tal-moħħ.

F’kotba tat-tfal bħal The Bamboo Ice Cream Mystery (2019) Katz iħallat stejjer immaġinattivi ma’ aneddoti tad-daħk u gwidi biex tkabbar il-ħiliet tat-tagħlim, issaħħaħ il-memorja u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja. L-istudenti ta’ Malta u Għawdex għandhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ tekniki bħal dawn waqt is-seminar ‘Is-Sigrieti ta’ Memorja b’Saħħitha’, li se jixxandar fuq il-pjattaformi tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fil-għodwa tal-Ġimgħa 13 ta’ Novembru. Bis-saħħa ta’ doża qawwija ta’ umoriżmu, eċitament u sorpriżi, Eran Katz, il-famuż kittieb u għalliem Iżraeljan tal-ħiliet tal-moħħ, se jirrivelalkom tekniki straordinarji biex issaħħu l-qawwa tal-memorja. Wara x-xow l-istudenti jkunu mistiedna jsegwu intervista mal-awtur u performer innifsu.

Imbagħad, bħala awtur ippubblikat b’mod internazzjonali, Katz se jingħaqad f’avveniment ieħor dwar il-letteratura u t-traduzzjoni, jiġifieri l-konferenza pubblika ‘Lil hinn mill-Fruntieri: Il-Qawwa Trasportattiva tat-Traduzzjoni’ li fiha se jkun qed jiġi diskuss l-esperjenza li jkollok xogħlok imferrex f’għadd ta’ pajjiżi u li jinqara minn nies varji daqs kemm huma varji l-pajjiżi. ‘Lil hinn mill-Fruntieri’ tfittex li tesplora kif xogħlijiet tradotti jivvjaġġaw lil hinn mill-kulturi u l-lingwi u jilħqu udjenzi usa’, u fil-proċess jibnu l-pontijiet li m’hemmx bejn fruntiera u oħra. Jipparteċipaw ukoll id-Direttur ta’ Merlin Publishers, Chris Gruppetta; il-kittieba u ko-fundatriċi ta’ Praspar Press ibbażata f’Londra Katryna Storace; it-traduttriċi mill-Malti għan-Norveġiż Kristina Quintano; u l-kittieb Malti-Palestinjan u rebbieħ ta’ bosta premji letterarji Walid Nabhan. Id-diskussjoni se tkun immoderata mill-poeta u lettur anzjan l-Università ta’ Malta Norbert Bugeja, u tixxandar il-Ħamis 12 ta’ Novembru fit-8pm.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali jixxandar online mill-11 sal-15 ta’ Novembru. Il-programm sħiħ tal-attivitajiet issibu online. Għal aktar aġġornamenti segwi s-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (www.ktieb.org.mt) u l-paġna tal-Facebook.


Share Article