Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jistieden lil poeti li jiktbu bil-Malti biex jipparteċipaw fil-ħames edizzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef li tnieda fl-2019 bil-għan li jsaħħaħ il-kitba poetika f’Malta u biex jiċċelebra l-poeżija miktuba bil-Malti. F’dawn l-aħħar snin il-Konkors intrebaħ minn poeti stabbiliti fosthom Therese Pace, Carmel Scicluna, il-Poeta Lawreata Nadia Mifsud, kif ukoll minn ilħna ġodda bħal Klara Vassallo.

Il-konkors ikun aġġudikat minn grupp ta’ aġġudikanti li jinħatar kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Il-ġurija tevalwa kull poeżija, b’mod anonimu, skont damma ta’ kriterji li jħarsu lejn l-awtentiċità, l-immaġinazzjoni, id-distintività fil-vuċi, u l-użu oriġinali tar-ritmu u l-figuri tat-taħdit.

Ikunu ppremjati l-ewwel tliet postijiet; l-awturi tal-poeżija rebbieħa jirċievu premju ta’ €1,000, u l-awturi taż-żewġ poeżiji ta’ warajha jirċievu premju ta’ €200 u €100 rispettivament. Ir-rebbieħa tal-konkors jitħabbru f’ċerimonja mtellgħa waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 li dis-sena se jsir bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fiċ-Ċentru Malti għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali.

Il-parteċipanti huma mitluba jissottomettu poeżija oriġinali waħda biss li ma ġietx ippubblikata qabel xi mkien ieħor. Il-poeżija trid tkun bil-Malti u ma taqbiżx is-36 vers. Kull applikant mitlub jaqra bir-reqqa r-regolamenti tal-Konkors li jinsabu ppubblikati fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

L-applikazzjoni mimlija b’mod sħiħ għandha tinbagħat bil-posta flimkien ma’ erba’ kopji tal-poeżija sottomessa, iffirmata biss bi psewdonimu, f’dan l-indirizz: Il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2023, Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kumpless Bice Mizzi Vassallo, Triq Arnhem, Pembroke PBK 1776 sa mhux aktar tard mit-Tnejn is-7 t’Awwissu 2023 f’nofsinhar. L-applikanti għandhom jibagħtu wkoll kopja tal-poeżija tagħhom permezz tal-formola tal-applikazzjoni online.


Share Article