Home / Back to Winners Dokumentazzjoni tal-minuti mnikkra fik 2nd December, 2020 The Poem 12.00am tektik. nifsijiet skaduti. 12.14am is-sekondi għajjiena. għajjejthom. ġieli jaqbżu tnejn. 12.28am forsi niddendel miegħek. jew fik. 12.32am immiss il-feriti li ħallejtli int. nadurahom. għax baqgħu fija iżjed milli bqajt int. 12.45am forsi issa ninħabbu mas-skiet. skiet iswed. mal-kliem li għeb. kollox jgħib. kollox. 01.02am qisu tiegħek dad-dell. ifakkarni fik. ikkalibrat. inkubat. ikkundanat. 01.03am bija. vizzju ikrah, int. hekk kont. hekk int. hekk tibqa’. 01.11am nibla’ l-pirmli t’ismek. zolpidem. nifga’. jeħlu hemm. il-bżieq opak-virulenti u misbul jiżżerżaq ma’ geddumi. l-istess bħal meta mort fejn ħadtni u biestni u togħmtok ħaj f’ħalqi. 01.39am ad infinitum. 02.00am inwerżaq fl-imħadda. jew mingħajrha. jew taħtha. jew mgħallqa fiha. 02.01am inżaqżaq. meta naqbad l-imqass u naqta’ l-karti fi qlub żgħar – niżvinahom. 02.14am jien nafek. nafni. nafni jien. taf int? li nixtieq inbuslek kitfejk. ġwenħajk li qatt ma tfasslu. 02.30am leħnek idur fl-aħħar żbalji tiegħi. fl-intriċċi tagħna, jew dawk li ħloqtilna. 02.31am se tispiċċa fix-xejn. dalwaqt. nispiċċa. nispiċċaw – mgħammda mid-dwejjaq. 02.35am mingħalija li kien hawn is-skiet sakemm kien hawn is-skiet. it-twerżiqa tiegħek staġnata fil-ħajt. 02.39am idejk ġabu s-skiet. u d-dlam jgħajjat miegħu. kollox tiegħek kien. sakemm ma kienx. 02.45am se tispiċċa. int biss. tgħum f’ilma ebbanu w tempestuż. hawn ġismi. hawn jien; 02.47am biex żżarmah-tadurah-tinkaxxah fi kliemek. kliemek sabiħ. nixorb u nisker bih. 02.50am ħallih sagħtejn oħra hawn kliemek, biex inżarmah-nadurah-ninkaxxah. fija. fik. fina. 02.53am xejn ma naf minnek. tiġi u titlaq. qisu qatt ma konna. nibla’ l-pinnoli t’is mek. rozerem. 02.55am insoffok, kieku nista’. bħal m’ommok tgħid li kont tagħmel. 02.56am erba’ minuti oħra fadallek sa ma titmermer f’ittri. tiġrix iżjed. m’hemmx għalfejn tgħodd iżjed. 02.57am disgħa sebgħa ħamsa tlieta wieħed. 02.58am għoddni. imma jien qatt mhu se nkun biżżejjed numri. 02.59am 10mg. dejjem. zolpidem/rozerem. rajthom? jirrimaw il-pirmli t’ismek. poeżija li traqqadni, ismek. għanja li ġġennini, ismek. xi darba kien. tiegħi. tiegħek. tagħna. ismek. 03.00am jiġi jżurni l-ġenn. ta’ meta nkun ġo fik. SHARE POST