Fr Charlò Camilleri, lettur fit-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u jiddiskuti mal-awtur tas-sensiela ta’ kotba edukattivi Ġikkur, Cedric Chircop, dwar il-prattika meditattiva adattata għat-tfal u l-benifiċċju tal-meditazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni.
Cedric Chircop huwa l-awtur ta’ żewġ kotba dwar Ġikkur, kreatura fantastika li tiġi biex tgħin tifel jimmaniġġja aħjar l-ansjetajiet tiegħu permezz ta’ vjaġġ mistiku. Il-picture books innovattivi Ġikkur- Nifs ‘il ġewwa u oħra’ il barra, immedita ħalli tikkalma u Ġikkur: Aħna lkoll Naffermaw u fil-Karnival mal-Indjani Nkantaw huma mmirati biex jgħinu lit-tfal li jbatu minn problemi ta’ ansjetà, stress, u rabja u jintroduċu lill-ġenituri u t-tfal għal tekniki ppruvati għall-immaniġġjar tal-istress fil-format ta’ stejjer li jindirizzaw il-maturità emozzjonali tat-tfal.
Rev. Dr. Charlo Camilleri O. Carm studja l-Istorja tal-Arti, il-Filosofija u t-Teoloġija l-Università ta’ Malta, minn fein iggradwa b’B.A fl-Arti (1997) u t-Teoloġija Sagra (2000). Kompla jistudja fl-Università Pontifika Gregorjana f’Ruma, minn fein ġab id-Dottorat fit-Teoloġija Sagra (2007) b’teżi jisimha “Union with God as Transformation in Beauty: A Literary-Spiritual Analysis of the Colloquies of Santa Maria Maddalena de Pazzi (1566-1607)”. Bħalissa jifforma parti mit-tim tad-Dipartiment tat-Teoloġija Morali fl-Università, fejn jillekċerja dwar it-Teoloġija Spiritwali, il-Ħajja Kkonsagrata u l-Ġeneru. Huwa membru fl-Akkademja tal-Malti. Ix-xogħol tiegħu deher f’bosta rivisti segwiti u bħala kotba, fosthom dwar il-mistiċiżmu ta’ Santa M. Madalena de Pazzi, u l-ewwel ġabra ta’ poeżiji, Tattwaġġi.