Min qal li l-qari ma jistax ikun divertenti? Tim professjonali ta’ atturi mmexxi mid-duo kariżmatiku DANUSAN se jkun qed jipproduċi spettaklu ta’ teatru live adattat mix-xogħlijiet rebbieħa tal-Premju Terramaxka tal-2021, li jitħabbru fil-lejla tal-ftuħ tal-Festival. Daniel Chircop u Chrysander Agius se jkunu qed janimaw il-kotba bil-Malti.
It-tfal jistgħu jingħaqdu għad-divertiment mal-familji tagħhom kull waranofsinhar matul il-Festival, b’żewġ wirjiet virtwali speċjali fi tmiem il-ġimgħa. Għall-ewwel darba, l-ispettakli se jkunu b’xejn, kulma trid tagħmel hu li tibbukkja s-siġġu tiegħek fuq showshappening.com. U tinsiex tuża l-vawċer li ngħatalek bħala student – li għall-ewwel darba huwa validu biex jintuża fil-ħinijiet kollha tal-Festival.