.
Din id-diskussjoni sservi ta’ introduzzjoni dwar il-portal tar-riċerka mniedi ftit ilu mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta – malti.mt. Sephora Francalanza se titkellem ma’ Michael Spagnol filwaqt li jintwerew partijiet differenti mill-portal, li jikkonsisti minn riżorsi marbutin mad-djaletti, it-tradizzjoni orali, il-grammatika, it-terminoloġija u l-istorja tal-lingwa. Is-semmiegħa se jintwerew ukoll kif jistgħu jaċċessaw ir-riċerka li saret u/jew ġiet ippubblikata mil-letturi u l-istudenti tad-Dipartiment.
Sephora Francalanza hija gradwata tal-Malti u t-Traduzzjoni. Taħdem bħala ġurnalista u hija l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Għaqda tal-Malti – Università.
Michael Spagnol studja l-Malti u l-Lingwistika fl-Università ta’ Malta, kiseb id-dottorat fil-Lingwistika mill-Università ta’ Konstanz, il-Ġermanja, u għamel postdottorat mal-Max Planck Institute for Evolutionary Anthropology ta’ Leipzig, il-Ġermanja. L-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni tiegħu huma l-morfoloġija, il-lessikografija u d-djalettoloġija. Huwa involut f’għadd ta’ proġetti ta’ riċerka dwar it-terminoloġija, id-djaletti, u t-tradizzjoni orali. Bħalissa hu l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti (2019-).