Il-poeta u kittieb ta’ tifkiriet awtobijografiċi Mark Doty intervistat minn Prof. James Corby dwar id-damma ta’ xogħlijietu li tinkludi l-poeżija, il-memoir u l-kitba akkademika.
Mark Doty huwa l-awtur ta’ disa’ kotba tal-poeżija u tliet memoirs. Uħud minn dawn il-kotba kienu bestsellers u rebbħuh unuri varji tul il-karriera letterarja tiegħu. Fost dawn hemm il-memoir bestseller ta’ New York Times Dog Years (2007), u l-ġabra ta’ poeżija My Alexandria (1993) li biha sar l-ewwel Amerikan li rebaħ il-premju letterarju Brittaniku T.S. Eliot. It-tieni memoir tiegħu, Firebird (1999), intlaqa’ tajjeb u ġie deskritt bħala dokument evokattiv dwar l-esperjenza żagħżugħa tal-omosesswalità fl-atmosfera Amerikana tal-baby boomers.
Bħala poeta ta’ vers intelliġenti u eleganti, Doty tqabbel fi mkejjen oħra ma’ poeti bħal James Merrill, Walt Whitman u C.P. Cavafy. Doty huwa Professur Distint fl-Università ta’ Rutgers.
James Corby huwa Pofessur Assoċjat u Kap tad-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta, fejn jgħallem it-teorija letterarja, il-poeżija, u l-filosofija. Huwa koeditur fundatur ta’ CounterText: A Journal for the Study of the Post-Literary, ippubblikat minn Edinburgh University Press u li jinsab fis-sitt sena konsekuttiva tiegħu. Huwa membru fundatur ukoll ta’ Futures of Literature Network, qafas ta’ riċerka bbażat f’Malta. Ippubblika l-aktar fuq il-letteratura, il-filosofija, fosthom fuq ir-Romantiċiżmu, il-Moderniżmu, il-fenomenoloġija, il-performance, il-politika, it-teorija letterarja, u l-letteratura kontemporanja.