Din is-sena, ir-rivista tal-Għaqda tal-Malti Leħen il-Malti tagħlaq 90 sena, billi bdiet toħroġ meta twaqqfet l-Għaqda tal-Malti minn Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fl-1931. Fid-90 anniversarju tagħha, se toħroġ l-40 edizzjoni ta’ Leħen il-Malti. F’din id-diskussjoni, li fiha se jipparteċipaw persuni li kienu f’bordijiet editorjali passati tar-rivista, se nagħtu ħarsa lejn kif żvolġiet din ir-rivista tul is-snin.
Romario Sciberras (1994), il-President kurrenti tal-Għaqda tal-Malti, gradwa fil-Malti fl-2019 u din hija t-tieni sena tiegħu bħala għalliem. Fil-livell tal-baċellerat, ta ħarsa lejn il-letteratura Maltija minn perspettiva Queer u jixtieq li jkompli jibni fuq dan fl-istudju tiegħu. Ir-rivista tal-Għaqda tal-Malti kienet l-ewwel opportunità fil-qasam tal-editorjal u l-pubblikazzjoni għal Sciberras.
Leanne Ellul [t.1989] tikteb kemm poeżija kif ukoll proża. Fil-passat kitbet ukoll għat-teatru u għadha tikteb it-textbooks u kotba oħra għat-tfal. Traduċiet ukoll numru ta’ xogħlijiet għall-Malti. Ellul kienet membru tal-kumitat tal-Għaqda tal-Malti għal 5 snin u President għal sena minnhom li matulha kienet l-editriċi ta’ Leħen il-Malti.
Joseph P. Borg (1964) hu għalliem tal-Malti u s-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti. Kiseb l-MA bir-riċerka L-Istorja tal-Għaqda tal-Malti fi ħdan l-Università. Okkupa diversi karigi fl-Għaqda tal-Malti (Università) bejn is-snin 1992-2007, fosthom bħala editur ta’ Leħen il-Malti. Huwa l-editur ta’ numru ta’ pubblikazzjonijiet, traduttur ta’ Mintoff, Malta, Mediterra – Żgħożiti (2018) u membru fil-bord editorjali ta’ diversi ħarġiet ta’ Il-Malti.