Mattia Preti qatta’ 40 sena mill-ħajja artistika tiegħu f’Malta. Kien miġjub mill-Ordni ta’ San Ġwann matul il-perjodu Barokk Għoli u ħalla timbru artistiku fuq il-gżejjer li ħadd qablu jew warajh ma ħalla. Prof. Keith Sciberras se jkun qiegħed jiġi intervistat minn Nadette Xuereb li ggradwat fl-Arti u kienet president ta’ HoASA, l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Arti fl-Università ta’ Malta, fejn fost affarijiet oħra se jkun qed jiddiskuti l-ktieb il-ġdid tiegħu ‘Mattia Preti: Life and Works.’
F’dan il-ktieb Prof. Keith Sciberras jitfa’ dawl ġdid fuq il-ħajja u x-xogħol ta’ Mattia Preti u jinkludi fih katalgu aġġornat tax-xogħlijiet tal-artist. Ippubblikat fl-aħħar tal-2020, il-ktieb jiddiskuti l-patrimonju u l-kumplikazzjonijiet tal-ħajja ta’ artist kavallier fid-dawl ta’ riċerka u skoperti riċenti. Il-ktieb ġie mfaħħar mill-istoriku tal-arti u kuratur Prof. John T. Spike għall-fotografija sabiħa u r-“riċerka maħsuba bir-reqqa” tiegħu. Il-ktieb huwa wkoll għani fin-numru ta’ pitturi mhux ippubblikati u miżmuma f’kollezzjonijiet privati u fuq kollox jinkludi l-ikbar katalgu s’issa tal-pitturi attribwiti lil Mattia Preti, bosta minnhom mhux magħrufa.
Il-Professur Keith Sciberras, Ph.D., (mwieled 1970) huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u L-Istorja tal-Arti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti, fl-Università ta’ Malta. Fl-2005 ġie milqugħ bħala Andrew W. Mellon Senior Fellow fid-Dipartiment tal-Pitturi Ewropej fi ħdan il-Metropolitan Museum of Art, New York. Fl-2012 ġie elett Trustee of the Association of Art Historians (AAH) f’Londra. Il-Professur Sciberras ippubblika b’mod estensiv dwar Caravaggio, l-iskultura Barokka Rumana, u l-pittura Barokka Taljana, u kkontribwixxa għal bosta proġetti u wirjiet ta’ riċerka internazzjonali.
Nadette Xuereb (B.A. (Hons.), M.A. History of Art (Melit.)) hija storika tal-arti u ekspresident tal-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Istorja tal-Arti u l-Arti (HoASA). Il-qasam tal-istudju tagħha huwa ffokat fuq il-kwistjonijet tal-ġeneri, b’enfasi fuq il-perjodu Barokk f’Malta. Riċentement gradwat b’ M.A. fl-Istorja tal-Arti (b’ Riċerka) mill-Università ta’ Malta, li fiha irriċerkat ir-rwol ta’ Cosmana Navarra bħala patrun mara tal-arti. Fit-teżi tal-Baċellerat iffokat fuq Suor Maria de Dominici, l-ewwel artista femminili magħrufa fil-Gżejjer Maltin.