Home / National Book Prize / Il-Kelb tat-Terrakotta Proża Fittizja Tradotta Il-Kelb tat-Terrakotta It-tieni każ tal-Ispettur Montalbano fis-serje ta’ Andrea Camilleri, issa bil-Malti. L-Ispettur Montalbano jirċievi informazzjoni dwar ħażna ta’ armi tal-Mafja ġo għar f’post diżabitat. Meta jmur jindaga, l-armi jsibhom, imma mhux biss. Wara ħajt falz jiskopri l-iġsma ppreservati ta’ tfajla u ġuvni, mgħannqin ma’ xulxin. Mifruxin madwarhom ikun hemm diversi oġġetti strambi, fosthom kelb kbir tat-terrakotta. Minn dak il-punt, l-Ispettur iħalli f’idejn sħabu biex jinvestigaw l-armi tal-Mafja filwaqt li hu jintefa’ b’ruħu u ġismu jipprova jsolvi l-każ enigmatiku tal-maħbubin ġol-għar, li jmur lura xejn anqas minn ħamsin sena. Sadanittant, jirfes xi kallijiet u jispiċċa midrub b’balla ta’ mitraljatriċi f’ġenbu, bir-riskju li ma jkunx jista’ jibqa’ jgawdi l-ikel sublimi ta’ Sqallija li tant iħobb! Is-serje tal-Ispettur Montalbano, mill-pinna tal-awtur Sqalli Andrea Camilleri, kif ukoll is-sensiela ta’ films televiżivi bbażati fuq il-kotba, għamlu suċċess kbir u għadhom popolari mad-dinja kollha. Il-kelb tat-terrakotta huwa t-tieni ktieb fis-serje wara Il-forma tal-ilma. Ixtri l-ktieb Merlin Publishers Proża Fittizja Tradotta 2025 Antoinette Borg (trad.) Fl-2015 Antoinette Borg ipparkjat karriera ta’ 20 sena fil-qasam finanzjarju biex tipprova twettaq il-ħolma ta’ tfulitha li tikteb ktieb. Is-sena ta’ wara ppubblikat l-ewwel rumanz tagħha, u f’dawn l-aħħar għaxar snin kitbet u ttraduċiet bosta kotba għat-tfal, żgħażagħ u adulti. Fl-2018 intgħażlet bħala l-Aqwa Awtur Emerġenti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u xogħolha rebbaħha l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb diversi drabi. Fost ix-xogħlijiet ta’ Antoinette hemm tliet rumanzi oriġinali għaż-żgħażagħ – Fittixni, Amina u (Ri)ġenerazzjoni – kif ukoll it-traduzzjoni għall-Malti ta’ żewġ rumanzi fis-sensiela tal-Ispettur Montalbano ta’ Andrea Camilleri – Il-Forma tal-Ilma u Il-Kelb tat-Terrakotta. Fil-ġeneru tal-kitba mhix fittizja, dan l-aħħar Antoinette rriċerkat u ppubblikat il-ktieb Mela ... l-istorja stramba, straordinarja (u sigrieta) tal-Ilsien Malti kif ma jgħiduhilekx fil-klassi. Antoinette tħobb ħafna l-ilsien Malti u taffaxxina ruħha b’diversi aspetti tal-ħajja umana, fosthom it-tfulija u l-vjaġġ tagħna lil hinn minnha, l-identità, il-maternità, ir-rakkuntar tal-istejjer u l-kreattività. NEED ANY HELP? GET IN TOUCH contact us