Home / Resources / Ir-Rapport Annwali 2022 Back to Resources Ir-Rapport Annwali 2022 3rd February, 2023 Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jippubblika r-Rapport Annwali komprensiv tiegħu għas-sena 2022. Matul is-sena, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fl-impenn tiegħu li jwassal il-ktieb Malti, l-awturi, l-illustraturi u l-pubblikaturi lil pubbliku usa’ permezz ta’ firxa ta’ midja differenti, kompla jinvesti f’diversi produzzjonijiet awdjoviżivi; ikkollabora ma’ diversi entitajiet u organizzazzjonijiet fuq inizjattivi artistiċi, soċjali, akkademiċi u kummerċjali; organizza għall-ewwel darba ċerimonja li laqqgħet flimkien il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-adulti u l-Premju Terramaxka għat-tfal u l-adulti, żewġ premjijiet li kisbu rekord ta’ 199 sottomissjoni ta’ kotba eliġibbli; u żied il-firxa tal-Fond Malti tal-Ktieb bl-introduzzjoni ta’ żewġ kategoriji ġodda – it-traduzzjoni ta’ siltiet ta’ kotba biex jintużaw bħala pitch għal pubblikazzjoni; u l-pubblikazzjoni ta’ edizzjonijiet ġodda ta’ xogħlijiet letterarji Maltin li bħalissa mhumiex fl-istampa u għalhekk mhux disponibbli għall-pubbliku. Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li huwa ċ-ċelebrazzjoni ewlenija tal-kotba fil-kalendarju kulturali Malti, laqa’ l-parteċipazzjoni ta’ 50 esebitur, numru bla preċident, u l-KNK se jkompli jaħdem biex ikabbar dan il-Festival permezz ta’ kollaborazzjonijiet u inizjattivi ġodda. Il-KNK impenjat biex jinvesti r-riżorsi kollha lejn it-tkabbir tal-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija permezz tal-professjonalizzazzjoni ta’ dawk kollha involuti fiha u permezz ta’ sforzi kontinwi fl-esportazzjoni tax-xogħlijiet letterarji. Huwa għalhekk propizju li l-KNK jirringrazzja lil dawk kollha li kkollaboraw u ħadmu bla heda b’riżq l-industrija tal-pubblikazzjoni f’Malta minkejja l-ħafna sfidi.Tista’ taċċessa r-Rapport Annwali 2022 bil-Malti hawnhekk. SHARE POST