Skip to content

KNK Viżjoni Strateġika 2025-2030

Image of KNK Viżjoni Strateġika 2025-2030

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) illum nieda uffiċjalment l-Istrateġija fuq Ħames Snin 2025-2030, bi pjan strutturat li jħares ’il quddiem sabiex iwieżen u jsaħħaħ l-industrija Maltija tal-pubblikazzjoni. Id-dokument ifassal it-traġitt li jixtieq jieħu l-KNK sabiex jibni ekosistema letterarja sostenibbli u, fl-istess ħin, jafferma mill-ġdid iċ-ċentralità tal-kotba fl-iżvilupp kulturali, edukattiv u ekonomiku Malti.

L-istrateġija saret b’ħidma mal-kumpanija rinomata ta’ konsulenza għan-negozji KPMG, u tenfasizza s-sostenibbiltà ekonomika ta’ settur li jissupera l-fażi tas-sopravvivenza u jidħol f’fażi fejn jiffjorixxi.

L-Istrateġija mibnija fuq ħames pilastri ewlenin: it-tisħiħ tal-ekosistemi letterarji f’Malta; il-promozzjoni tal-lingwa u l-kultura Maltija, lokalment u internazzjonalment; it-titjib fl-aċċess għall-kotba; it-tisħiħ tal-governanza u t-trasparenza; u t-trawwim ta’ kollaborazzjonijiet strateġiċi. Flimkien dawn il-pilastri huma turija ta’ kemm il-KNK determinat li juri kemm il-kotba u l-qari għandhom irwol ewlieni fis-soċjetà Maltija. Fl-istess ħin il-KNK ma jridx jinsa l-isfidi li s-settur qed jaffaċċja, b’miżuri konkreti u konsultattivi.

Waqt it-tnedija uffiċjali, li saret il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Ministru Clifton Grima enfasizza li l-Gvern kommess li jpoġġi lill-ktieb fil-qalba tal-ħajja Maltija, u dan qed jurih bil-varar ta’ din l-istrateġija. “Industrija tikber bi pjan fit-tul. Din l-istrateġija tassigura li dak li nagħmlu llum mhux biss iservina llum, iżda jibqa’ relevanti u sostenibbli anki għall-ġejjieni”, qal il-Ministru, filwaqt li nnota kemm hi importanti l-konsultazzjoni mal-imsieħba u l-professjonisti kollha tal-industrija f’kull mument tal-proċess.

Id-dokument tal-istrateġija riżultat ta’ konsultazzjoni fil-fond mal-awturi, il-pubblikaturi, l-edukaturi, u l-imsieħba l-oħra, u huwa pass importanti fid-direzzjoni li jrid jieħu l-KNK bħala pont bejn il-politika pubblika u d-dinja tal-pubblikazzjoni.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.