Skip to content

Penthos

Warajk, id-dawl imminenti li jmut.
B’gost klandestin għajnejja jisirqu l-linjamenti ta’ wiċċek
jitgħallmuhom b’urġenza, bl-amment, malajr
f’dil-lejla fraġli tal-ebanu, taħraq bħan-nifsijiet
żgħar u trasparenti fl-ispazju għarqan
bejn ħarstek u ħarsti.

Jien is-sajf, għidtli.
Għamiltni minn kustilja ħsibijiet.
Ma’ kull pinzellata safra u kaħla ċappast
biċċiet minni fuq it-tila sakemm sirt
storja għalik, tafha inti biss.
Forsi, xi darba, tgħidhieli u nkun bilqiegħda maġenbek.


Il-merżuq li fadal jirtira bil-lajma
minn fuq il-komma riħa ta’ melħ
maż-żiffa kordjali fuq ix-xtajta.

Int il-ħarifa. Qatt m’għidtlek.
Għajnejk masġar.
Fid-dinja mistħajla tagħhom
jien u int
weraq oranġjo u isfar u aħmar
(minn dak li hawn ma jitfaċċa qatt).
L-istejjer tiegħi miegħek nibnihom waħdi fi mkejjen tar-ramel.
Nindukrahom ileqqu fil-memorja ta’ tazza rari gin tonic jew
bewsa misruqa qalb il-karozzi pparkjati.

L-aħħar dawl jogħtor ma’ għonq il-qmis bajda (tixraqlek wisq)
imisslek għonqok u wiċċek, jidħol fil-masġar,

Ridt ngħidlek li ħadtek fit-toroq ta’ belt barranija
fejn żbaljajtha kull filgħodu l-memorja tiegħek
fuq kuċċarina ħsibijiet zokkor f’lukanda
fejn kollox ta’ darba fejn ma bżajtx noħolmok.

jixegħlu prinjoli għajnejk qabel jgħib

Is-skiet bejnietna sikka qed tikber f’nofs dal-baħar sajfi.
Ma’ Settembru jisfali kollox skiet u tifkiriet.


u jidlam f’daqqa.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.