Il-Professur Toni Aquilina mid-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni u t-Terminoloġija tal-Universitá ta’ Malta se jagħti taħdita dwar l-importanza tar-riċerka meta tittraduċi awturi stabbiliti. Se jiffoka prinċipalment fuq ix-xogħlijiet ta’ Albert Camus, l-aktar dawk li ttraduċa lejn il-Malti u li qegħdin ikunu ppubblikati ftit ftit fis-Serje tat-Traduzzjonijiet Faraxa. S’issa tliet kotba ħarġu fis-serje, li huma: L’Eté / Is-Sajf, Les Muets / Il-Muti, L’envers et l’endroit / Il-Maqlub u s-Sewwa u La Chute / Il-Waqgħa. Dan tal-aħħar irċieva l-fondi mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Xogħlijiet oħra ta’ Camus maqlubin għall-Malti minn Toni Aquilina dehru f’pubblikazzjonijiet oħra. Lest li jwieġeb il-mistoqsijiet li jsirulu fuq is-suġġett.
Faraxa, imnedija fl-2011, hija dar tal-pubblikazzjoni li tipproduċi pubblikazzjonijiet għalkollox professjonali fuq ġeneri ta’ kitba mill-aktar varjati. It-tim ta’ Faraxa, immexxi minn Joanne Micallef, jispira ruħu mill-kreattivita ta’ xibka globali ta’ awturi magħżulin bir-reqqa, mill-passjoni tagħhom għall-kotba u d-determinazzjoni biex tintlaħaq kwalità għolja f’dan il-qasam.