Il-mistieden internazzjonali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u wieħed mill-aktar awturi ċelebri ta’ żmienna, Sir Salman Rushdie, se jkun qed jingħaqad f’konverżazzjoni ma’ xbiha ċentrali tal-Letteratura Maltija, Dr Alfred Sant. Id-diskussjoni se tiffoka fuq il-kisbiet, l-influwenzi u t-tħassib kurrenti ta’ dawn iż-żewġ kittieba kbar u l-ambjent kulturali tagħhom, u se tkun immoderata minn Prof. Clare E Vassallo, Professur Assoċjat tas-Semjotika u l-Istudji tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta.

Meqjus provokaur brillanti, kittieb ta’ numru ta’ rumanzi li llum saru klassiċi letterarji, influwenzatur ta’ ġenerazzjoni ta’ kittieba, u onorat bil-Kavallerat tar-Reġina “għas-servizz lil-letteratura”, Rushdie jista’ jitqies kemm bħala ikona tal-kultura pop u anki bħala wieħed mill-aktar xbihat kellemija tal-libertà tal-kelma.

Ir-rumanzi ta’ Rushdie dejjem intlaqgħu b’antiċipazzjoni u tifħir u jinkludu The Satanic Verses, The Moor’s Last Sigh, The Ground Beneath Her Feet u The Enchantress of Florence. L-aktar rumanz riċenti tiegħu, Quichotte, intlaqa’ bl-istess mod: fil-fatt ġie inkluż fil-lista tal-aktar kotba moqrija tal-2019 fit-TIME, u wieħed mill-aqwa kotba tal-2019 skont The Financial Times – li qalu hekk dwar ir-rumanz “brillanti…ktieb jidħol kexxun f’daż-żminijiet ta’ konfużjoni transkontinentali”. Quichotte kien ukoll finalist tal-Premju Booker 2019.

Dr Sant għandu warajh karriera letterarja distinta mogħnija b’xogħlijiet ewlenin li jvarjaw minn rumanzi sa novelli, drammi u kitbiet awtobijografiċi. Rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ħames darbiet f’kategoriji differenti u rebaħ il-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba fl-2019. Bejn l-1996 u l-1998 kien il-Prim Ministru ta’ Malta, u fl-2014 u l-2019 kien elett Membru tal-Parlament Ewropew.

L-ewwel rumanz tiegħu, L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968) Sant kitbu meta kellu 19-il sena, u jitqies bħala punt ta’ tluq għar-rumanz kontemporanju fil-letteratura Maltija. Rumanzi importanti oħra huma Silġ fuq Kemmuna (1982), issettjat fis-sebgħinijiet, u La Bidu, La Tmiem – 1599 (2001), epika storika li tfaħħret għall-kapaċità tal-awtur li jġannat flimkien punti di vista politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali filwaqt li ma jerħix milli jindirizza l-qagħda enigmatika tal-eżistenza umana (Mario Azzopardi, Times of Malta). Sant huwa wkoll drammaturgu rinomat, u l-aktar xogħol riċenti tiegħu f’din l-għalqa hu Balzunetta Towers (2017). Dad-dramm, imtella’ bħala parti mill-programm tal-Belt Valletta Kapitali Ewropea 2018, ħadha qatta bla ħabel kontra l-ossessjoni bil-bini li għandna f’dil-gżira u l-ħakma li għandhom il-flus fuq il-klassi politika tagħna.

Xandira diretta