.
Dr. Ivan Mifsud se jkun qed jiddiskuti l-monografu tiegħu The Ombudsman Remedy in Malta: Too Soft a Take on the Public Administration? ma’ Dr Robert Musumeci, fejn se jkun qed jindirizza l-irwol tal-Ombudsman f’Malta, u r-rekord u l-effettività ta’ din l-istituzzjoni bħala rimedju ‘dgħajjef’ f’Malta.
Fil-monografu tiegħu Dr. Ivan Mifsud jimmira li jispjega għalfejn teżisti l-istituzzjoni tal-Ombudsman, l-aspetti b’saħħithom u dgħajfa tagħha, kif topera, il-benefiċċju tagħha mhux biss għall-pubbliku ġenerali iżda wkoll għal dawk involuti fl-amministrazzjoni pubblika, u r-raġunament fundamentali li wieħed ma jistax jappoġġja istituzzjoni mingħajr apprezzament u fehim tagħha. Il-pubblikazzjoni tittama li ttejjeb din il-fehma, bl-għan li twassal għal kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati.
Ivan Mifsud iggradwa bħala avukat fl-1999 u ġab id-Dottorat fil-Liġi Amministrattiva fl-2008. Wara tlettax-il sena jaħdem għall-Ombudsman Parlamentari Malti (prinċipalment jinvestiga ilmenti relatati mal-ippjanar, il-Pulizija u l-kunsilli lokali), u tliet snin jippresjedi l-Bord ta’ Viżitaturi tal-Ħabs, fl-2013 beda jgħallem bħala lettur anzjan residenti fl-Università ta’ Malta. Bħalissa huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Pubblika, u Dekan tal-Fakultà tal-Liġi. Huwa kiteb diversi kontribuzzjonijiet u fl-2017 ippubblika monografu bit-titlu Judicial Review of Administrative Action; An Examination of Article 469A COCP and of Judicial Review in General.