.

Stephen Lughermo jitkellem dwar din il-ġabra ġdida ta’ novelli dwar karattri li jsofru għeluq li ma jidhirx u jitħabtu ma’ ħitan inviżibbli bil-ħolma ta’ libertà f’dinja ħielsa.

Stephen Lughermo trabba Ħal Tarxien u ilu mill-2005 jgħallem il-Malti fi skola sekondarja. Fl-2015 ippubblika l-ewwel rumanz tiegħu ‘X’Aħna Smart’ (Horizons), rebbieħ tal-Konkors Letteratura għaż-Żgħażagħ. Sentejn wara rebaħ il-Premju Terramaxka bir-rumanz ‘Jarmuk’ (Horizons). Lughermo huwa wkoll awtur ta’ kotba għat-tfal bħal ‘Ix-Xewqa ta’ Luke’ (Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Care, 2018) u ‘Toni tat-Tritoni’ (Horizons/Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, 2019).

Simone Inguanez hija poeta, traduttriċi u konsulent għall-istrateġija kulturali. Hija l-awtriċi ta’ Water, fire, earth and I Tr. Maria Grech Ganado, Klabb Kotba Maltin, 2005) Ftit mara, ftit tifla (Inizjamed & Midsea Books, 2005); u koawtur fl-ktieb 7 poets, 4 days, 1 book (Texas: Trinity Press, 2009). Ix-xogħol tagħha ġie ppubblikat f’diversi antoloġiji u onlajn, u ġiet tradotta f’għaxar lingwi. Fl-2007, kienet parteċipi f’residenza tal-kittieba tal-International Writing Programme (IWP). Hija qrat f’diversi festivals internazzjonali u pparteċipat f’diversi workshops tat-traduzzjoni. Bħalissa, hija Eżekuttiva tal-Arti għal-Letteratura fil-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u serviet fil-Kunsill tal-Ilsien Malti mill-ħolqien tiegħu fl-2005.

Dwar Ċelel Bla Ħitan ta’ Stephen Lughermo:

Iċ-ċelel mhumiex l-istess. L-għeluq huwa wieħed. Ambjentati f’postijiet klawstrofobiċi, in-novelli ta’ din il-ġabra jlaqqgħuna ma’ karattri mill-ħajja ta’ kuljum…

… minn missier mifni bil-piż tas-separazzjoni għal xebba tissielet mat-tektik intern tal-arloġġ f’ġisimha; minn żagħżugħ mgħakkes bil-falliment tal-imħabba għal xwejjaħ mixtieq għall-ħelsien tal-imgħoddi; minn raġel f’salib it-toroq bejn passat u futur għal kaxxiera mitlufa fil-monotonija tal-awtostrada; minn sid ta’ kumpanija jifga’ fis-sauna għal tabib ifittex kura tiegħu nnifsu; minn mara tiskopri għeruqha fil-qtugħ ta’ nifs ta’ kabina għal tfajla li tagħraf it-triq ta’ ħajjitha fis-seat tal-karozza…

Ilkoll jesperjenzaw klawstrofobija tar-ruħ, ibatu għeluq li ma jidhirx, jitħabtu ma’ ħitan inviżibbli bil-ħolma ta’ libertà f’dinja … ħielsa.