It-traduttur tal-ktieb, Charles Flores, intervistat minn Toni Sant dwar il-ġrajja u t-traduzzjoni għall-Malti tal-ktieb Quarantine ta’ Jim Crace, finalista tal-Booker Prize u rebbieħ tal-Whitbread Novel Award fl-1998. Kwarantina qed jiġi ppubblikat minn Horizons.
Charles Flores twieled fl-1948, ġurnalist u xandar, u ggradwat fit-Teoloġija. Huwa wieħed mill-kofundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju. Kittieb ta’ bosta xogħlijiet ġurnalistiċi u letterarji, bl-aħħar ktieb tiegħu jkun Balluta Blues (2019). Poeżiji tiegħu nqalbu f’diversi ilsna oħra. Fl-1996 rebaħ l-ewwel premju fil-Commonwealth Short Story Competition.
Toni Sant huwa akkademiku u xandar rebbieħ ta’ bosta premjijiet u jinsab ibbażat fir-Renju Unit. Huwa d-Direttur tal-Digital Curation Lab fil-MediaCityUK fi ħdan l-Università ta’ Salford u l-eks Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, iċ-ċentru nazzjonali Malti għall-kreattività fil-Belt Valletta.