L-Għaqda tal-Malti – Università tniedi d-39 għadd tar-rivista annwali tagħha, li ilha tiġi ppubblikata mill-1931. Waqt is-serata online, jipparteċipaw il-kittieba li jkunu qegħdin jiġu ppubblikati l-kitbiet tagħhom fir-rivista, permezz ta’ intervisti u billi jinqraw xi kitbiet mill-ġabra. Jitħabbar il-Bord Editorjali ta’ għadd 40 u tinfetaħ is-sejħa għall-kitbiet.

L-Għaqda tal-Malti – Università twaqqfet minn żewġ studenti tal-Mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici, fis-26 ta’ Jannar 1931. Fl-istess sena bdew joħorġu Leħen il-Malti, rivista li għadha toħroġ sal-lum, u titnieda kull sena fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Matul is-snin, l-Għaqda tmexxiet minn personaġġi prominenti fil-Malti bħall-Professuri Pietru Pawl Saydon, Ġużè Aquilina, Dun Karm Sant u Oliver Friggieri. F’dawn l-aħħar snin l-Għaqda fittxet li tinvesti aktar fi proġetti edukattivi u interdixxiplinarji, speċjalment għaż-żgħażagħ.