Alfred Sant se jiddiskuti ma’ Kurt Sansone l-awtobijografija tiegħu Confessions of a European Maltese – The Middle Years, li se tiġi ppubblikata waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus. Sant jiddeskrivi l-iżviluppi ekonomiċi u industrijali f’Malta bejn l-1975 u l-1992, l-esperjenzi tiegħu fl-Istati Uniti fejn studja n-negozju, is-sehem tiegħu fil-letteratura u d-drama, l-Università, il-ġurnaliżmu f’Malta, u l-Partit Laburista li fih serva bħala President u Membru Parlamentari.

Akkwista ż-żewġ volumi bi prezz irħas. SKS Publishers qed joffru l-ewwel volum fis-sensiela, Confessions of a European Maltese (2003) bi skont speċjali.

Dr Alfred Sant kiteb għadd ta’ xogħlijiet ewlenin li jvarjaw minn rumanzi sa novelli, drammi u kitbiet awtobijografiċi. Rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ħames darbiet f’kategoriji differenti u rebaħ il-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba fl-2019. Bejn l-1996 u l-1998 kien il-Prim Ministru ta’ Malta, u fl-2014 u l-2019 kien elett Membru tal-Parlament Ewropew.

L-ewwel rumanz tiegħu, L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968) Sant kitbu meta kellu 19-il sena, u jitqies bħala punt ta’ tluq għar-rumanz kontemporanju fil-letteratura Maltija. Rumanzi importanti oħra huma Silġ fuq Kemmuna (1982), issettjat fis-sebgħinijiet, u La Bidu, La Tmiem – 1599 (2001).

Kurt Sansone hu l-editur tas-sit maltatoday.com.mt. Ilu jaħdem fil-kamp ġurnalistiku għal kważi 25 sena. Beda fil-ġurnaliżmu b’mod volontarju mal-gazzetta Alternattiva, kien involut fit-twaqqif tal-ewwel portal Malti fuq l-internet di-ve.com, ħadem fit-tim ta’ produzzjoni ta’ Xarabank, kien l-ewwel editur tal-gazzetta Illum, ħadem mat-Times of Malta u fl-aħħar tliet snin reġa’ lura għall-għeruq tiegħu mal-MaltaToday. Miżżewweġ u missier ta’ żewġt itfal.