Skip to content

Is-sensiela ‘Reading the City’ ta’ Comma Press: Sejħa għal novelli dwar il-Belt Valletta

Il-pubblikatur mir-Renju Unit Comma Press, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, qed ifittex novelli jew stejjer qosra minn Malta dwar il-Belt Valletta biex ikunu ppubblikati f’antoloġija bl-isem ta’ The Book of Valletta.

Il-ġabra tifforma parti mis-sensiela ta’ Comma Press, ‘Reading the City’, u kull ħarġa jkollha 10 stejjer minn 10 awturi differenti dwar il-belt inkwistjoni. Kull storja għandha tesponi dawk il-pinzellati diversi u kunfliġġenti li jikkaratterizzaw belt, tesplora l-inħawi u l-imkejjen distinti tagħha, tfannad fis-saffi storiċi differenti, u titfa’ taħt il-lenti s-sottokulturi u s-sigrieti magħrufa li jagħtuha l-ħajja.

Comma qed ifittxu stejjer li ‘iqumu u jorqdu’ l-Belt Valletta, stejjer li jistgħu jinkitbu dwar il-Belt biss. Dawn jistgħu jinkitbu bi sfond storiku, inkella dwar xi triq partikulari, naħa mill-Belt jew post famuż li jservu bħala għodda għal storja li żżommok. L-istorja għandha tesplora affarijiet li l-Beltin huma familjari magħhom, iżda li xi ħadd li mhuwiex minn hemm, jew saħansitra mhuwiex Malti, ma jkunx konxju tagħhom. Iżda l-aktar importanti hu li n-novelli jew stejjer qosra jkunu joqogħdu waħedhom bħala xogħol ta’ narrattiva fittizja, u mhux sempliċiment gwida għat-turisti li jridu jżuru lill-Belt.

Ix-xogħol irid jintbagħat bħala Word jew PDF b’email lil George (Uffiċjali tal-Pubbliċità u l-Marketing ma’ Comma Press) fuq commapublishing@yahoo.com sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2025.

Għal aktar informazzjoni aqra s-sejħa ta’ Comma Press minn hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.