Skip to content
Il-Ġeografija tal-Irmied u l-Ġwienaħ

Novelli

Il-Ġeografija tal-Irmied u l-Ġwienaħ

B’din il-ġabra ta’ novelli qosra, imqanqla, kultant bla ħniena, il-kittieb Malti-Marokkin Murad Shubert ikompli fejn ħalla bil-poeżiji tiegħu f’Imbagħad il-Qiegħ, rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tal-2023. Dawn ritratti meħudin bl-onest u l-elokwenza li issa rbatna ma’ kull ħaġa li jikteb. Hemm spazji li rridu nimlewhom aħna, mogħdijiet li rridu nterrqu fihom waħedna, ma’ karattri iħirsa, memorabbli. Fid-daħla l-awtur jirrakkonta kif messitu s-saħta tal-kliem, u kif bir-rakkonti li sema’ fil-beraħ tat-triq u fl-għeluq dinji tad-dar tan-nanna, is-seħer tħallatlu ma’ demmu u bdiet in-namra tiegħu mal-istejjer, u l-immaġinazzjoni ħielsa miċ-ċensura. Minkejja s-sogru, minkejja l-fraġilit. tal-ħolm, minkejja d-dispramenti, fil-fond ta’ dawn l-istejjer hemm poeżija qed issir. U terfgħalna qalbna u ruħna lejn is-sema tal-għasafar. – Adrian Grima.

Ixtri l-ktieb
Klabb Kotba Maltin
Novelli
2026

Murad Shubert

Murad Shubert twieled u trabba f’Casablanca, il-Marokk, fejn żviluppa apprezzament għat-teatru modern, għat-tradizzjoni orali u għar-rakkontar tal-istejjer. Fiż-żgħożija tiegħu, il-faxxinu tiegħu għall-iswed u l-abjad—żewġ kuluri li jqishom ċari u sinċieri—wasslu biex jiskopri kittieba Palestinjani u jesplora d-diskors politiku u r-ribelljoni fil-poeżija.

L-istil ta’ kitba minimalista tiegħu jirrifletti l-viżjoni dejjem tevolvi tiegħu tad-dinja. Huwa jagħmel riċerka bir-reqqa dwar it-temi li jrid jittratta u jqis ir-reviżjoni bħala parti essenzjali mill-proċess, billi jirfina l-għażla tal-kliem, il-fluss narrattiv u l-iżvilupp tal-karattri biex joħloq xogħlijiet impenjattivi u koerenti.

Fl-2023, Shubert rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Poeżija għal Imbagħad il-Qiegħ (Reaching the Bottom, 2022), ġabra li tesplora l-imħabba, it-telf u r-realtajiet ħorox tal-eżistenza umana. Il-poeżiji jittrattaw ir-relazzjonijiet personali, il-kapitaliżmu, il-ħtija, il-gwerra, l-ispostament u l-identità, filwaqt li jenfasizzaw il-fraġilità tal-eżistenza.

NEED ANY HELP?

GET IN TOUCH

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.