Skip to content

IL-PREMJU NAZZJONALI

TAL-KTIEB

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-ogħla premju letterarju f’Malta mogħti lil awturi, edituri, tradutturi, pubblikaturi u illustraturi ta’ kotba ppubblikati s-sena ta’ qabel.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Il-Finalisti

Agħżel kategorija biex tara l-finalisti

Ma ntgħażlux finalisti fil-kategoriji Novelli, Letteratura mhux Fittizja, Kotba Tradotti għat-Tfal (Etajiet 0-7) u Kotba Tradotti għat-Tfal (Etajiet 8-12).
Il-kategorija Letteratura għaż-Żgħażagħ Tradotta ma rċivietx sottomissjonijiet.

L-ISTORJA

Il-‘Premju Letterarju’ tnieda fl-1971 għal kotba bil-Malti ppubblikati s-sena ta’ qabel. L-għan ewlieni tal-Gvern ta’ dak iż-żmien kien li jinkuraġixxi l-produzzjoni ta’ aktar letteratura bil-Malti billi jippremja lill-awturi li jkunu eċċellaw fil-kitba tagħhom. L-ewwel rebbieħa tal-Premju kienu Anton Buttigieg bil-ġabra ta’ poeżiji Fl-Arena u Francis Ebejer b’Id-Drammi Vol. 2 li kien fih tliet drammi importanti mis-sittinijiet: Vaganzi tas-Sajf, BoulevardMenz. Dakinhar, kull rebbieħ ingħata l-premju monetarju ta’ Lm80. B’kollox kienu pparteċipaw tnax-il ktieb, li ġew aġġudikati minn Dr A.V. Depasquale, Prof. Ġużè Aquilina, Prof. Ġużè Galea, Mr Erin Serracino Inglott u Mr Charles Coleiro.

Il-Premju għadda minn diversi tibdiliet tul is-snin, fosthom fl-isem, l-istruttura tiegħu, in-numru ta’ kategoriji u l-premju minetarju. Tajjeb li wieħed jinnota li bejn l-1983 u l-1987 il-Premju ma sarx minħabba nuqqas ta’ fondi governattivi. Fl-1988 imbagħad reġa’ nfetaħ għal kotba ppubblikati fl-1987. Mill-1987 il-Premju ma qatax.

Is-sena 2001 hija punt ieħor sinjifikattiv fl-istorja tal-Premju, għax f’dik is-sena twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK). Il-KNK ħa f’idejh l-organizzazzjoni tal-Premju Letterarju kif ukoll il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb. Fl-2005 il-Premju ngħata l-isem il-ġdid ta’ ‘Premju Nazzjonali tal-Ktieb’, filwaqt li aktar tard fl-2014 anki l-fiera saret jisimha ‘Festival Nazzjonali tal-Ktieb’.

Minn hawn ‘il quddiem saru sforzi varji u kollaborattivi sabiex il-Premju jibqa’ jiġġedded u jitjieb, billi fost l-oħrajn ikunu aġġornati r-regolamenti, jiġi rfinat l-iskop tiegħu, jiżdiedu jew jitnaqqsu l-kategoriji, u jissaħħaħ il-proċess tal-aġġudikazzjoni sabiex ir-riżultat aħħari jkun dejjem aktar professjonali u trasparenti. Ħajr speċjali lil Mr Victor Fenech u Mr Joe Debattista – membri oriġinali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-2001 – li ħadu ħsieb jirriċerkaw u jikkompilaw l-ewwel darba dil-lista. Maż-żmien il-lista tkompliet tkun aġġornata b’informazzjoni ġdida – turija tan-natura dinamika tal-Premju, li issa l-informazzjoni dwaru se tkun disponibbli fuq il-Wikipedija u l-Wikidata.

Hawn taħt issibu lista tar-rebbieħa kollha tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb sa mill-bidu tiegħu sal-lum. Barra mill-valur letterarju, dil-lista hija vjaġġ fl-istorja tal-awturi, il-pubblikaturi, l-illustraturi u l-aġġudikanti li pparteċipaw fil-Premju u li, intant, sawru l-wirt letterarju lokali.

rebbieħa mill-passat 1971 - sal-lum

TEĦTIEĠ AKTAR INFORMAZZJONI?

IKKUNTATTJANA

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.