Home / News / Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Alfred Sant back to news Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Alfred Sant Audiovisual • Initiatives • News • Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur 20th September, 2017 Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti b’taħdita ma’ Alfred Sant dwar il-ktieb tiegħu Western – Bejn Rakkonti, Bejn Divertimenti. Tul il-karriera tiegħu, Alfred Sant (imwieled fl-1948) kien involut fil-politika, fil-ġurnaliżmu, il-letteratura u t-teatru. Huwa kiteb wkoll artikli għal għadd ta’ ġurnali u perjodiċi. Ir-rumanz tiegħu L-Għalqa tal-Iskarjota, ippubblikat fl-2009, jgħaqqad elementi ta’ umoriżmu, ironija u satira fit-tfassil ta’ storja li timxi b’pass ta’ film tal-orrur lejn konklużjoni qerrieda. Ġie maqlub għall-Ingliż bħala The Iscariot Field. Fl-2014, Sant rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bil-ġabra ta’ novelli Ċpar – Aktar Rakkonti u Divertimenti. Xogħlijiet oħra importanti ta’ Sant jinkludu La Bidu, La Tmien – 1599, Silġ fuq Kemmuna u, aktar riċenti, Western – Bejn Rakkonti, Bejn Divertimenti. M. Bejn rakkonti, bejn divertimenti. Ma hemmx dubju li l-element ta’ divertiment huwa qawwi ħafna iżda jinħass li hemm iktar divertiment fl-ewwel parti tal-ġabra, iġifieri fl-ewwel seba’ milli fl-aħħar tlieta fejn l-atmosfera bħal titqal u jidħlu silenzji tal-biża’. Tifkira, eżempju, taf anke tfakkar lil xi qarrejja fin-novelli ta’ Somerset Maugham, b’mod partikolari kif idur mat-tensjonijiet u d-distanzi li jinbtu u jinġabru tul relazzjoni twila sabiex isibu żbokk devastanti fil-qafas tar-rakkont. L-istess jista’ jingħad għal Ward u Dramm. Hemm raġuni għaliha din? Għalfejn kellha tagħlaq b’Trio għal Duo il-ġabra? T. Tema li tinsab fil-biċċa l-kbira tar-rakkonti hi dik tal-memorja:kif niftakru l-imgħoddi, kif nifhmuh, kif nagħġnuh mal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Western per eżempju joħroġ mill-memorja ta’ anzjan: rakkont li meta kien għadu tifel, sema’ mingħand zijuh anzjan, li hu nnifsu kien semgħu meta kien żagħżugħ mingħand il-protagonist tar-rakkont, il-Malti – xiħ li jirrakkonta x’għadda minnu snin twal qabel. Kemm mill-istorja iżda hi magħmula minn fatti li ġraw tassew, kemm minnha ssawret b’xi effett żlugat fil-memorja tal-persuna li qed tirrakkonta? F’Memorabilja l-istess: Stanley jipprova jsib tifkiriet konkreti tal-istorja tal-każin tal-Kristofri taħt l-ewwel fundatur tiegħu. Imma ma jsibhomx: intesew tabilħaqq? jew kien hemm min ħadem biex ineħħihom u jnessihom? Minn storja għal storja jitqanqlu temi simili marbuta mal-memorja fil-ħajja personali u soċjali tagħna. Trio għal Duo jikkonċentra dawn it-temi billi fuq tliet rakkonti qosra ħafna imqabbla mal-istejjer l-oħra tal-ktieb, jinfilzahom f’episodju mill-ħajja ta’ mara u raġel, koppja. Il-memorji jsiru logħba tad-dellijiet; dak li tinsa jew tħawwad fit-tifkira jinbidel f’arma biex tferi jew tissomma lill-ieħor jew l-oħra. U hemm dak li tassew insejt, forsi għax dieħla d-dementia. Imma anke dak li nsejt iservi biex jagħti sura lir-realtà tal-lum. Biex tikkonċentra l-effetti suvversivi tal-memorji u l-użu tagħhom it-teknika magħżula għat-tliet stejjer tixbah għal tal-apposta dik li tista’ tintuża għal xenarji qosra fi drammi televiżivi. M. Il-ġabra tieħu lil qarrej f’titjira qalb xenarji mbegħdin – mid-dinja tal-baned ta’ Memorabilja għal futur fejn l-umanità tinnaviga l-ispazji kbar tal-Kosmos (It-Tieni Dinja) jew f’fantażija li tħallat elementi ta’ DC Comics ma’ elementi ta’ kronika attwali (Rigor Mortis). Din it-titjira li taqsam spazji u ħin, issib l-essenza tagħha, forsi, fin-novella Western, fejn Malti minn Ħal Qormi jispiċċa fil-Wild West. F’storja ta’ avventura, imħabba u vendetta, kif inhu xieraq għall-storja hekk. Il-Malti translokat, imqiegħed f’dinja oħra, f’dinja li mhux probabbli li jidher fiha imma li jasal għaliha b’traġġit realistiku u kredibbli għall-aħħar. Min hu fil-verita ‘il-Malti’ ta’ Western? T. L-ewwel nett ma naħsibx li hu daqstant improbabbli li kien hemm Maltin fil-Wild West, mhux xi grupp kbir imma xi tużżana jew aktar. Nafu li fl-istess żmien kien hemm Maltin fl-Amerika ta’ Isfel, u wieħed minnhom spiċċa ammiral tal-flotta Arġentina. Imbagħad teżisti letteratura Ewropea li mhijiex daqstant magħrufa, tal-emigrazzjoni, b’rumanzi Skandinavi, Taljani u Irlandiżi fost oħrajn, li jiddeskrivu l-esperjenzi tal-emigranti Ewropej fl-Istati Uniti f’nofs is-seklu dsatax; kif wara kollox għamel Charles Dickens f’parti minn Martin Chuzzelwit. Għaliex allura mhux anke rakkont dwar emigrant Malti? Ir-rakkont kellu jirrifletti r-realtà Maltija ta’ imgħoddi fejn il-poplu ħaddiem kien illitterat, fiżikament mhux daqstant impressjonanti għax imrobbi b’ikel fqir, u mġiegħel jitlaq mill-gżira biex jaqla’ x’jiekol. Imur fejn imur, se jkun l-underdog. Kif se jibqa’ fil-wiċċ? Kif se jsib jaħdem? Immaġinajtu li (bħall-Maltin “tal-poplu” emigrati f’Lixandra fl-istess żmien) se jkollu jieħu l-agħar xogħol, dak li ħadd ma jrid jidħol għalih, imma li b’hekk xorta waħda jasal biex isib ħidma stabbli li fiha jista’ jinqeda bis-sengħa li tgħallem bħala tifel – il-kura tal-mogħoż. Minn hekk kellha toħroġ imbagħad kif semmejt int, l-istorja ta’ “avventura, imħabba u vendetta”. M. Ara din is-silta: ‘Minkejja l-oġġezzjonijiet ta’ Evelyn għax mhux se tilbes le, l-ilbies mixtri għal oħt Fanny, din aktar insistiet. Fl-aħħar kienu mitluqa fuq is-sodda tal-wieħed li kien hemm fil-kamra jitgħannqu ma’ xulxin, jitbewsu bla nifs, jissaraw flimkien b’nofs daħq, nofs tbissim li setgħu jaraw fin-nofs dlam fietel li baqa’ fil-kamra, jifgaw l-ilfiq u t-tnehid biex ma jinstemax barra l-kamra, waqt li jneżżgħu lil xulxin.’ Soru Maltija f’Londra (mid-dar li fiha jmorru l-Maltin qraba ta’ pazjenti li qed jirċievu kura f’Londra) li fil-bidu tal-istorja nsibuha qegħda taqra siltiet minn Santa Tereża ta’ Liseux imbagħad niskopru il-għala…fid-dawl tal-ġabra bħala rakkonti ta’ divertiment, għalfejn din il-cliché ta’ ‘cloister love’? Ridt tinki? Kont qed tfittex l-effett ta’ xokk? T. Assolutament ma fhimtx jien u qed nikteb dan ir-rakkont li kellu jkun hemm xi ħaġa xokkanti fih. Ir-rakkont hu wieħed f’sensiela fejn mara Maltija titpoġġa bħala protagonist f’belt differenti. Wara New York u Brussell, kien imiss Londra u hawn daħħalt żewġ nisa li jikkuntrastaw ma’ xulxin: l-għeja tas-soru wara ħajja twila tindokra l-morda; u n-neputija tagħha mehdija tfittex sodisfazzjon fil-ħajja, inkwetata ħafna minħabba s-saħħa ta’ binha. In-neputija tqanqal fis-soru memorji midfuna. Tirbaħ l-għeja. Is-silta li tiddefinixxi r-rakkont, fil-fehma tiegħu mhux il-“klixe” li “jixxokkja” li semmejt int, imma l-mument tal-ħolma, meta Fanny li ilha mejta “tidher” lis-soru u l-ħoss tad-dawl jinqata’ hesrem donnu qed jagħti s-sinjal li r-rebħa tal-għeja daqt tasal. SHARE POST Related Articles Malta Book Fund Goes Fully Online with an Increased Budget for 2025 Malta Book Fund 17th March, 2025 Read More The National Book Council has rebranded! News 5th March, 2025 Read More Call for Delegates: Malta Named Focus Country for the 2025 Mediterranea Publishing Fellowship Initiatives 28th February, 2025 Read More The National Book Council at the 2025 London Book Fair News 25th February, 2025 Read More NBC and Wikimedia Malta announce Wikimedians in Residence for National Book Prize Project News 20th February, 2025 Read More National Book Prize 2025 – Applications Are Open National Book Prize 17th February, 2025 Read More NBC empowers local stakeholders at the London Book Fair 2025 Literary Exports 11th February, 2025 Read More The NBC’s Annual Report For 2024 News 4th February, 2025 Read More Festivals, Funds And Initiatives In 2025: Key Dates Festivals 29th January, 2025 Read More Join the NBC at the London Book Fair 2025: Guest Passes for NBC stakeholders from Malta Literary Exports 13th January, 2025 Read More view all similar news
Malta Book Fund Goes Fully Online with an Increased Budget for 2025 Malta Book Fund 17th March, 2025 Read More
Call for Delegates: Malta Named Focus Country for the 2025 Mediterranea Publishing Fellowship Initiatives 28th February, 2025 Read More
NBC and Wikimedia Malta announce Wikimedians in Residence for National Book Prize Project News 20th February, 2025 Read More
NBC empowers local stakeholders at the London Book Fair 2025 Literary Exports 11th February, 2025 Read More
Join the NBC at the London Book Fair 2025: Guest Passes for NBC stakeholders from Malta Literary Exports 13th January, 2025 Read More