Home / News / Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Clare Azzopardi back to news Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Clare Azzopardi Audiovisual • Initiatives • News • Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur 29th August, 2017 Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti ma’ awturi b’taħdita ma’ Clare Azzopardi dwar il-ktieb tagħha Kulħadd Ħalla Isem Warajh Clare Azzopardi tikteb kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. Hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College ta’ l-Università ta’ Malta u għal bosta snin kienet membru attiv ta’ Inizjamed. Ix-xogħol tagħha ġie tradott f’diversi lingwi u deher f’għadd ta’ ġabriet letterarji, fosthom Transcript, In Focus, Cúirt 21, Skald, Words Without Borders u Novel of the World. Azzopardi ppubblikat wkoll 2 kotba ta’ novelli. It-tnejn li huma rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Linja l-Ħadra u Kulħadd ħalla isem warajh. M. Kulħadd Ħalla Isem Warajh ġie deskritt minn ħafna qarrejja bħala eżempju ewlieni ta’ letteratura femminista lokali. Dan x’aktarx għax in-narrazzjoni ddur ma’ nisa u l-punt di vista tal-istess narrazzjoni huwa dejjem ta’ mara, ħaġa li għadha rari fil-letteratura lokali. Min-naħa l-oħra, bosta mill-karattri fin-novelli għandhom preżenza pjuttost spettrali – f’każ minnhom (Gracey) litteralment, iżda l-istess jista’ jintqal fuq Polly, Camilla, Rita. L-ewwel nett, kemm taqbel mat-tabella ‘femminista’? U, jekk dan huwa l-każ, tara l-preżenza spettrali tal-karattri paradossali? Hemm, forsi, forma ta’ protesta moħbija fir-rappreżentazzjoni nnifisha? T. Il-letteratura Maltija, (almenu dik li trabbejt biha jien) ma tatniex biżżejjed nisa kittieba u nisa protagonisti. Fir-rakkont tal-letteratura Maltija, il-mara hija minsija. Il-protagonisti huma l-kittieba ta’ qabel l-Indipendenza u dawk ta’ wara l-Indipendenza. Il-kittieba huma kollha rġiel u kollox huwa maskili. Għal ħafna żmien, il-letteratura Maltija, il-letteratura li jien nagħmel parti minnha, ma rrakkontatx in-nisa kittieba, ħalliet barra ħafna temi, u sal-lum, il-kittieba nisa mhumiex il-protagonisti. Li n-nies iqisuni bħala femminista, xejn ma ddejjaqni. Il-femminiżmu huwa moviment u huwa forma ta’ protesta u xejn ma niddejjaq li nagħmel parti minnu. Sintendi hemm teoriji differenti fi ħdan il-femminiżmu u mhux il-każ li nidħol fihom hawnhekk, imma l-għan prinċipali li nikteb in-nisa kien proprju li nisfida l-kuntest li fih tqiegħdet il-mara mir-raġel fil-letteratura Maltija: ħafna drabi, il-mara-omm li trabbi sew lil uliedha, li toqgħod għal dak li jgħid żewġha, li tkun ta’ eżempju; inkella l-mara-oġġett li taqdi l-bżonnijiet sesswali tar-raġel. F’din il-ġabra ridt nisfida l-mod kif ġiet miktuba l-mara mir-raġel permezz tan-nisa nfushom – Sandra, Rita, Roża, Gracey, Helen, Margaret, Claudine, Lily, Camilla u Polly; permezz tal-plott u s-sitwazzjonijiet iktar avventurużi, il-lingwaġġ u s-sintassi ġodda. Jiġifieri jien qed nipprova nirrakkonta lill-mara minn lenti ġdida u nittama li b’hekk qed nibdel ukoll xi ftit mir-rakkont tal-letteratura Maltija. Biex ngħaqqad mal-mistoqsija tiegħek dwar il-preżenza spettrali u l-paradossi, għalija, il-fatt li hemm karattri li l-preżenza tagħhom hija spettrali bħal Gracey, u sa ċertu punt, Polly, mhix paradossali għall-kawża femminista. Huma sempliċiment karattri mqiegħda f’sitwazzjonijiet għalkollox ġodda minn dawk li s-soltu naraw in-nisa fihom. M. ‘pdm’ huma l-inizjali misterjużi li jidhru f’kull rakkont. Fl-aħħar storja, “Polly,” jidher l-isem sħiħ, liema isem ikun żgur fost dawk li ħafna mill-qarrejja jkunu diġà kkunsidraw, speċjalment meta jidhru f’“Margaret” fuq ħajt ta’ skola tal-knisja, u f’“Lily” fuq il-bieb ta’ ħanut magħluq il-Gżira. Iżda l-qarrej jaf isibha diffiċli jemmen li dawk l-inizjali qed iservu biss ta’ referenza kulturali u politika u żgur ser jibqa’ jhewden fuq is-sinifikat tagħhom kemm bħala valur simboliku kif ukoll bħala parti integrali mill-istruttura tar-rakkonti, ħafna wara li jkun qara l-ktieb. Kemm huma importanti għar-rakkont dawn l-inizjali? Xtaqt verament tintriga lill-qarrej bihom jew sempliċiment tinkih b’logħba ta’ kliem? T. Li l-inizjali ‘pdm’ huma referenza kulturali u politika huwa minnu. U jekk il-qarrejja jridu jarawhom b’dan il-mod, ma nsib ebda oġġezzjoni. Madankollu dawn l-inizjali, jew din il-logħba, kif qed issejħilha int, huma importanti l-iktar mhux għar-rakkont innifsu imma għall-plott tal-ktieb kollu. Bis-saħħa tagħhom irnexxieli noħroġ karattru, Polly, mill-istorja tagħha u ndaħħalha f’kull storja oħra. U dan huwa s-sabiħ ta’ din il-mara li tagħmel il-ktieb kollu tagħha, imma l-istorja bl-isem tagħha mhix tagħha. Polly hija l-mara li għandha l-ispazji kollha għaliha biex tikteb dawn it-tliet inizjali, imma ironikament, l-inizjali mhumhiex tagħha. Sa ċertu punt, din l-idea ġiet ukoll mill-films tad-direttur Pollakk Krzysztof Kieślowski li fit-triloġija tiegħu Three Colours: Blue, White, Red, idaħħal tlett ixjuħ qed jirriċiklaw il-fliexken. Fi Three Colours: Blue, Julie, lanqas biss tinduna bix-xiħa, fi Three Colours: White, Karol, jara lix-xiħ jitħabat, qed jipprova jitfa’ l-flixkun fit-toqba imma ma jmurx jgħinu, fi Three Colours: Red, Valentine tmur tgħin lix-xiħa li ma tkunx tista’ tilħaq il-bokka tal-iskipp. Polly, daqqa tidher tiġbor il-fliexken, daqqa tidher qed tħalli marka, daqqa tinstema’ tgħid xi ħaġa li ħadd ma jifhem, daqqa tidher qed ixxejjer idha. Uħud mill-karattri tal-istejjer l-oħra jarawha u ma jagħtux kasha, uħud minnhom lanqas biss jarawha, xi ftit, jistkerrhuha … Polly, mhi qatt il-protagonista. Lanqas fl-istorja tagħha stess. Hija l-mara li tibqa’ barra. Hija l-mara li trabbiet f’soċjetà patrijarkali bl-uniku idolu għaliha li kien raġel. Saħansitra l-kliem li tgħid, mhux tagħha. Lil Polly s-soċjetà Maltija ħaditilha kollox. U forsi, il-‘pdm’ huwa kompliċi wkoll. M. Ara din il-silta minn “Lily”: Mal-promotion ma baqgħetx taħdem fl-istess uffiċju mal-iktar editriċi beżqa li qatt inbeżqet mill-iktar skola bżieq tal-univers kollu, is-Sacred Heart. Editriċi njuranta li taparsi taf titkellem u tikteb bl-Ingliż u mal-bżieq li joħroġ minn ħalqha joħroġ id-dardir kollu tal-you see how lovely you are? u, you never go there marelli? u, maaa how cute hux they look! Dejjem l-istess espressjonijiet li joħorġu bihom it-tfajliet li jkunu marru fl-iskejjel tal-Knisja fl-inħawi ta’ San Ġiljan u ta’ Tas-Sliema… Din is-silta tista’ faċilment tinqara bħala attakk dirett fuq klassi soċjali Maltija. L-istess klassi li timla b’diżgust il-protagonist ta’ Is–Sriep Reġgħu Saru Velenużi ta’ Alex Vella Gera. Kemm tħossu dan id-diżgust int personalment? T. In-nisa f’dan il-ktieb ġejjin minn familji differenti, minn klassijiet soċjali differenti u ma nħossx li qed nattakka klassi iktar minn oħra, jew mara iktar minn oħra. Dan il-kumment qed tgħidu Claudine u mhux Clare Azzopardi u allura din l-antipatija lejn dawn it-tip ta’ nies qed tħossha Claudine. Kumment bħal dan, jista’ fil-fehma tiegħi, jitfa’ dawl ikrah kemm fuq min jgħidu kif ukoll il-persuna li għalih huwa indirizzat. Għaldaqstant, jien m’iniex responsabbli għal dak kollu li jgħidu u jagħmlu l-karattri fil-ġabra Kulħadd Ħalla Isem Warajh. SHARE POST Related Articles Malta Book Fund Goes Fully Online with an Increased Budget for 2025 Malta Book Fund 17th March, 2025 Read More The National Book Council has rebranded! News 5th March, 2025 Read More Call for Delegates: Malta Named Focus Country for the 2025 Mediterranea Publishing Fellowship Initiatives 28th February, 2025 Read More The National Book Council at the 2025 London Book Fair News 25th February, 2025 Read More NBC and Wikimedia Malta announce Wikimedians in Residence for National Book Prize Project News 20th February, 2025 Read More National Book Prize 2025 – Applications Are Open National Book Prize 17th February, 2025 Read More NBC empowers local stakeholders at the London Book Fair 2025 Literary Exports 11th February, 2025 Read More The NBC’s Annual Report For 2024 News 4th February, 2025 Read More Festivals, Funds And Initiatives In 2025: Key Dates Festivals 29th January, 2025 Read More Join the NBC at the London Book Fair 2025: Guest Passes for NBC stakeholders from Malta Literary Exports 13th January, 2025 Read More view all similar news
Malta Book Fund Goes Fully Online with an Increased Budget for 2025 Malta Book Fund 17th March, 2025 Read More
Call for Delegates: Malta Named Focus Country for the 2025 Mediterranea Publishing Fellowship Initiatives 28th February, 2025 Read More
NBC and Wikimedia Malta announce Wikimedians in Residence for National Book Prize Project News 20th February, 2025 Read More
NBC empowers local stakeholders at the London Book Fair 2025 Literary Exports 11th February, 2025 Read More
Join the NBC at the London Book Fair 2025: Guest Passes for NBC stakeholders from Malta Literary Exports 13th January, 2025 Read More