Bħala parti mill-istrateġija tiegħu sabiex kontinwament jippromwovi l-pubblikazzjonijiet lokali mal-komunità, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iniedi Markapaġna – serje ġdida ta’ poddati letterarji li se jixxandru kull ġimgħa bħala awdjo u film fl-istess ħin.

B’Luke Galea u Rachel Baldacchino bħala l-intervistaturi tas-serje, Markapaġna se tlaqqagħna ma’ awturi u riċerkaturi huma u jitkellmu dwar ktieb jew kotba li baqgħu f’moħħhom mix-xena lokali. Il-konverżazzjoni se tpoġġi lill-mistednin kemm fis-siġġu ta’ artisti tal-kelma, iżda wkoll bħala qarrejja tal-kelma. L-għan tas-serje hu li tagħti spazju għal diskussjoni dwar il-kotba minn Malta billi tifrex il-karatteristiċi ewlenin tax-xogħol magħżul, l-influwenzi li sawru lix-xogħol u anki x’effett kellu fuq kotba oħra, id-diwi soċjali tiegħu, u finalment il-kuntest u l-istorja li hemm madwaru.

Is-serja se jkun fiha 20 poddata ma’ 20 mistieden differenti, maqsumin f’10 poddati li jixxandru minn Settembru sa nofs Novembru u li jwasslu sal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u 10 oħra li jixxandru bejn Jannar u Frar tas-sena d-dieħla. L-ewwel nofs tas-serje se titmexxa minn Luke Galea, u l-bqija minn Rachel Baldacchino. Kull episodju se jkun mogħni b’għadd ta’ rakkomandazzjonijiet mix-xena letterarja, kemm kontemporanja u anki tal-imgħoddi.

Markapaġna se jixxandar kull nhar ta’ Tlieta fis-6pm fuq il-Youtube tal-KNK kif ukoll is-siti u l-paġni Facebook tal-KNK u ta’ MaltaToday, bl-ewwel poddata tkun fit-13 ta’ Settembru. Is-serje tista’ tismagħha wkoll fuq Spotify u Apple Podcasts.

Il-proġett Markapaġna huwa kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u MaltaToday.


Share Article