Faċli ninsew li sal-2009, awturi u pubblikaturi kienu għadhom jirriskjaw il-ħabs jekk jippubblikaw testi meqjusa oxxeni jew risqué żżejjed. Dak iż-żmien għadda, u ċ-ċensura formali m’għadhiex magħna. Allura fl-2021 kull awtur jista’ jikteb li jrid, jew xorta jrid joqgħod attent x’jista’ u ma jistax jikteb? Teżisti ċensura informali, indiretta jew addirittura awtoċensura, hawn Malta?
Flimkien ma’ Chris Gruppetta minn Merlin Publishers jingħaqdu LON Kirkop, rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2020, l-awtriċi Loranne Vella, u Kirsten Spiteri.
LON Kirkop huwa artist viżiv u awtur ta’ 29 sena. L-imħabba lejn l-arti, il-kitba u t-teatru bdiet minn età żgħira u llum fix-xogħol tiegħu jgħaqqad flimkien dawn it-tliet dixxiplini. Studja fl-Istitut tal-Arti Kreattiva ġewwa l-MCAST fejn fl-2017 gradwa b’ B.A. (Unuri) fil-Fine Arts u bħalissa qiegħed jagħmel M.A. fil-Printmaking ġewwa Cambridge School of Arts fir-Renju Unit. Il-Manuskritt tiegħu Mitt Elf Isem Ieħor, li rebaħ il-Konkors ta’ Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ 2020, se jiġi ppubblikat mill-Merlin Publishers aktar tard din is-sena.
Loranne Vella hija kittieba, tradutturiċi, u performer ibbażata Brussell. Kitbet it-triloġija fantaxjentifika Il-Fiddien ma’ Simon Bartolo, MagnaTM Mater u Rokit, kif ukoll għadd ta’ novelli u l-ġabra riċenti ta’ novelli mill-bieb ‘il ġewwa. Qalbet għall-Malti serje ta’ kotba għat-tfal, u rebħet bosta premji letterarji lokali kemm għax-xogħol oriġinali tagħha, fosthom il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u anki għat-traduzzjonijiet.
Kirsten Spiteri twieled fl-1987. Meta kellu biss tnax-il sena, kellu l-ewwel kitba tiegħu li ġiet ippubblikata fuq ir-rivista Sagħtar. Fl-2017 rebaħ il-kategorija tal-Young Adults waqt il-Festival tal-Ktieb ta’ Londra.