Home / Esebituri
Dawn huma l-esebituri li qed jipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026 bil-ħwienet tal-kotba tagħhom. Segwi l-ħoloq għas-siti tagħhom sabiex tixtri l-kotba, tiskopri titli ġodda u tibbenefika mill-offerti li jistgħu ikunu qed joffru matul il-Festival.
Dis-sena l-ispazju mittieħed mill-esebituri għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-akbar li qatt kien hemm fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konferenzi, l-MFCC, Ta’ Qali. B’aktar minn 40 esebitur fl-edizzjoni ta’ dis-sena f’Novembru li ġej, se jokkupa kważi 2,000 metru kwadru bl-istands.
L-esebituri tal-Festival ħejjew attivitajiet għaż-żgħar u l-kbar mifruxin fuq il-ħamest ijiem tal-Festival.
Agenda Bookshop huwa wieħed mill-aktar bejjiegħa tal-kotba u tal-fuljetti importanti f’Malta. Il-ħwienet tal-Agenda jinsabu f’postijiet ċentrali u ewlenin f’Malta, fosthom l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u stabbilmenti ewlenin tax-xiri. Għand Agenda Bookshop issib l-aqwa u l-aħħar kotba li kienu suċċess madwar id-dinja, kif ukoll għażla wiesgħa ta’ titli ġodda kuljum. L-għażla ta’ kotba għand Agenda tħabbatha ma’ dik li joffru ħwienet tal-kotba ewlenin fir-Renju Unit.
Agenda Kids
Il-Komunità Musulmana Ahmadiyya Malta hija organizzazzjoni reliġjuża. Tinkoraġġixxi djalogu, paċi, u rispett bejn dixxipli ta’ twemmin differenti. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana tippromwovi l-edukazzjoni, l-għarfien u l-qari tal-kotba, u għal dan l-għan il-Komunità tippubblika kotba bil-Malti. Għal din ir-raġuni, il-komunità tippubblika kotba u rivista kull xahar bl-isem ta’ Id-Dawl fl-ilsien Malti, anki biex isservi l-lingwa nazzjonali. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana hija magħrufa wkoll għas-sehem attiv tagħha f’ħidma karitatevoli u filantropika. Il-motto tagħha huwa: “Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd”.
Aphroconfuso huwa ġurnal letterarju bil-Malti online u dar tal-pubblikazzjoni. Nippubblikaw esejs, stejjer, poeżiji, djarji, traduzzjonijiet u xogħlijiet letterarji li mhux faċli tikklassifikahom, b’enfasi fuq l-identità soċjopolitika Maltija, esperjenzi femministi u realtajiet marġinali u queer. Fuq il-podcast ta’ Aphroconfuso nippubblikaw verżjoni awdjo ta’ ħafna mix-xogħol li jidher fil-ġurnal, kif ukoll taħditiet mal-kittieba tagħna. L-ewwel ktieb stampat tagħna huwa Antoloġija 1, li ħareġ f’Ottubru 2024, u Antoloġija 2 se jitnieda waqt il-Festival. Ippubblikajna wkoll Qarn ta’ Romeo Roxman Gatt, u Bur Mgħeż ta’ Omar N’Shea huwa ppjanat għall-2026.
Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa l-aġenzija nazzjonali għall-iżvilupp u l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi. L-għan prinċipali tal-KMA huwa li jiffinanzja, jissapportja u jippromwovi s-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.
BDL Distribution ilhom imwaqqfin mill-1990, u f’daż-żmien saru d-distributur ewlieni ta’ pubblikazzjonijiet fil-ħwienet tal-kotba u ħwienet oħra f’Malta u Għawdex. BDL Publishing, it-tieni pilastru tal-kumpanija, tispeċjalizza f’kotba ta’ kwalità li jvarjaw minn letteratura fittizja għat-tfal għal kotba prestiġjużi tal-Melitensia. It-tielet pilastru tal-kumpanija huwa BDL Retail. Il-ħanut ta’ San Ġwann jinkludi ġabra estensiva tal-aqwa kotba fejn wieħed jista’ jfittex u jixtri direttament minn għażla ta’ ’l fuq minn 20,000 titlu.
Id-dar tal-pubblikazzjoni Bonfirraro ilha indipendenti mill-1986, u rnexxielha mill-ewwel tiddistingwi ruħha bis-saħħa ta’ produzzjoni ta’ kotba fittizji ta’ kwalità, kif ukoll għall-enfasi tagħha fuq veritajiet storiċi mħabbra għall-ewwel darba, u sensiela ta’ esejs u investigazzjonijiet dwar suġġetti ta’ impatt soċjali kbir. L-orjentazzjoni ta’ din id-dar tal-pubblikazzjoni, li xxaqleb lejn tip ta’ letteratura “impenjattiva”, tiddetermina l-pubblikazzjonijiet kuraġġjużi li joħduha qatta’ bla ħabel kontra kull tip ta’ inġustizzja, bl-għan li jikontribwixxu lejn il-ġlieda għall-affermazzjoni tal-libertà, valur li ma tistax taħarbu. B’serjetà, bi spirtu ta’ sagrifiċċju u f’konformità mal-prinċipju “L-istorja tagħna hija l-futur ’il fejn interrqu…,” Bonfirraro tħobb tħares fit-tul, u tosserva dak li hu lil hinn, “’il barra mill-fruntiera,” biex tisfida lilha nnifisha u tirbaħ l-isfidi li għall-ewwel jaf jidhru impossibbli.
Bullet Turtle Studio
Christopher Mannino, author of fiction and nonfiction for kids and adults.
Delicon Books
Enchanted Grove Publications
Faber-Castell
Faraxa Publishing, dar tal-pubblikazzjoni li twaqqfet f’Malta minn Joanne Micallef fl-2011, tispeċjalizza fi traduzzjonijiet letterarji u mhux letterarji, filwaqt li tilqa’ wkoll firxa wiesgħa ta’ ġeneri oħra. Il-missjoni tal-kumpanija hija li tintroduċi lill-qarrejja Maltin ma’ letteratura diversa u mill-aħjar minn madwar id-dinja biex b’hekk tagħni x-xena letterarja lokali.
Fondazzjoni Sagħtar hija għaqda volontorja independenti u awtonoma bla ebda affiljazzjoni politika, li l-għan ewlieni tagħha hu li sservi fis-soċjal u l-edukattiv qalb l-edukaturi u l-istudenti f’Malta u Għawdex. L-iskopijiet prinċipali tal-Għaqda huma: li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-irwol professjonali tal-edukaturi u l-avvanz tal-istudenti; li tipprovdi opportunitajiet għat-titjib professjonali tal-edukaturi; li tniedi proġetti u torganizza attivitajiet bl-għan li jipprovdu taħriġ professjonali lill-edukaturi u jwittu t-triq għall-istudent; li toħloq u tippubblika materjal edukattiv.
Il-Fondazzjoni Wirt Artna (FWA) ġiet stabbilita fl-1987 u hija organizzazzjoni volontarja u mhux governattiva li tispeċjalizza fil-preservazzjoni u l-interpretazzjoni tal-wirt kulturali għani ta’ Malta. Il-FWA tidħol ukoll fil-wirt militari u tieħu ħsieb siti storiċi diversi mifruxin tul sekli tal-istorja Maltija. Fost dawn is-siti miftuħa għall-pubbliku nsibu fortifikazzjonijiet tax-xtut u installazzjonijiet militari mis-Seklu Għoxrin.
Il‐German‐Maltese Circle huwa l-eqdem istitut kulturali f’Malta li jindirizza r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Huwa ċ-ċentru stabbilit u awtorizzat biex joffri l-korsijiet tal-lingwa Ġermaniża u l-eżamijiet f’isem il-Goethe Institute f’Malta.
Id‐Dipartiment tal‐Ġermaniż huwa parti mill‐Fakultà tal‐Arti fl‐Università ta’ Malta. Id‐Dipartiment joffri l‐opportunità li l‐istudenti jistudjaw il‐Ġermaniż f’firxa ta’ korsijiet: korsijiet full‐time fl-ewwel grad u dawk suċċessivi (BA Unuri bil‐Ġermaniż, BA Ġenerali bil‐Ġermaniż, MA u PhD bil‐Ġermaniż), korsijiet tal‐lingwa part‐time għal‐livelli kollha tal‐lingwa (Ċertifikat/Diploma fil‐Profiċjenza tal‐Lingwa), u korsijiet part‐time filgħaxija għall‐pubbliku ġenerali (Ċertifikat/Diploma bil‐Ġermaniż).
Heritage Malta Publishing hija t-taqsima tal-pubblikazzjoni fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali tal-Mużewijiet, il-Konservazzjoni u l-Patrimonju Kulturali. Tipproduċi firxa ta’ xogħlijiet li jolqtu udjenzi diversi u li jkopru l-ispettru kollu tal-patrimonju tanġibbli u intanġibbli tal-gżejjer Maltin.
Horizons hija waħda mid-djar tal-pubblikazzjoni ewlenin f’Malta, rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb f’kategoriji differenti matul is-snin. Tippubblika l-aktar rumanzi, novelli, poeżija, Melitensia u letteratura għat-tfal. Temmen li permezz tal-ktieb qed tgħin biex toħloq spazju fejn il-ħsieb independenti, l-espressjoni libera u l-kreattività jiġu kkultivati. Barra minn hekk, Horizons għandha responsabbiltà soċjali korporattiva biex testendi l-irwol tagħha lil hinn mill-kotba li tippubblika. Apparti li tibni relazzjonijiet mal-awturi tagħha, Horizons iżżomm ruħha viċin tal-qarrejja u s-suq, kif ukoll tinforma ruħha dwar id-diffikultajiet tiegħu.
L-Inspire tistinka lejn it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-innovazzjoni. Il-governanza tagħna tassigura integrità f’kull deċiżjoni li nieħdu, u l-immaniġġjar tal-finanzi jimmassimizza l-impatt tagħna. B’saħħet it-tim dedikat tagħna u s-sapporters ġenerużi, ftit ftit qed noħolqu dinja fejn individwi b’abbiltajiet differenti jkunu jistgħu jilħqu l-milja tagħhom.
Bħala l-Uffiċċju Kulturali tal-Ambaxxata Taljana f’Malta, l-Istitut Kulturali Taljan fil-Belt Valletta jagħmel parti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Italja. Il-missjoni primarja tal-Istitut, bħala l-emblema ta’ patrimonju b’għeruq fondi fil-Gżejjer Maltin, huwa li jippromwovi l-lingwa, l-arti u l-kultura Taljana. Dan jissarraf fl-organizzazzjoni u l-promozzjoni t’attivitajiet fosthom esebizzjonijiet, kunċerti, drammi, u konferenzi. Madanakollu, l-Istitut għandu wkoll it-tir li jinteraġixxi mal-qafas kollu tal-universitajiet, ċentri ta’ studji u istituzzjonijiet edukattivi kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja.
Il-kreattività, l-innovazzjoni, il-kwalità għolja u l-interess lejn il-qarrejja huma fost l-aktar kunsiderazzjonijiet importanti għal Kite Group. Permezz ta’ kull ktieb, Kite Group jimmira li joħloq esperjenza li tagħti gost lill-qarrejja. Dan jgħodd kemm għal min ifittex il-viżiv u anki għal min ifittex il-qari. Fost il-kotba li ġew ippubblikati minn din id-dar tal-pubblikazzjoni, rebbieħa ta’ diversi premjijiet, hemm dawk dwar l-arti, il-kultura, bijografiji, stejjer qosra, kotba t’umoriżmu, fotografija, arkitettura, liġi u l-istorja ta’ pajjiżna. Kite Group joffri servizz lill-qarrejja u lil kull min irid jippubblika ktieb.
Midsea Books Ltd. u Klabb Kotba Maltin huma meqjusa fost il-pubblikaturi ewlenin f’Malta. Id-dar tal-pubblikazzjoni twaqqfet minn Pawlu Mizzi fl-1969 u Il-Gaġġa kien l-ewwel ktieb li ġie mitbugħ fl-1971. Midsea Books u s-sussidjarji tagħha Klabb Kotba Maltin u Heritage Books jippubblikaw ġeneri differenti ta’ kotba, minn dawk għat-tfal, rumanzi u novelli, sa storja u kotba tal-arti dwar Malta. Bosta mill-kotba ppubblikati huma rebbieħa ta’ premjijiet jew ġew imsemmija fi premjijiet letterarji kemm Malta kif ukoll barra.
Kollezzjoni Traduzzjonijiet Letterarji hi inizjattiva personali ta’ Paul Zahra sabiex jiġu tradotti lejn il-Malti kotba mil-letteratura Franċiża. Il-KTL s’issa tiġbor fiha tmien kotba ta’ diversi awturi Franċiż. Is-sensiela bdiet fl-2013 u għadha għaddejja sal-lum il-ġurnata. S’issa, il-KTL tikkonsisti minn 8 pubblikazzjonijiet li tlieta minnhom huma rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fit-taqsima tat-Traduzzjoni. Fost l-awturi tradotti nsibu lil Marcel Proust, Flaubert u Balzac. L-għan tal-KLT hu li traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet letterarji klassiċi jkomplu jaslu għand il-qarrej Malti bil-Malti.
Pubblikaturi u produtturi ta’ kotba artiġjanali u prodotti tal-karta maħduma bl-idejn. L-istorja ta’ Kotba Calleja tibda mill-imħabba għall-karta bħala materjal umli, uniku u versatili. Hija passjoni li tissarraf fi prodotti ta’ kwalità maħduma mill-bidu sal-aħħar f’Malta. Kull parti tal-proċess – kull tinja, kull qtugħ, kull pont ħjata, kull inkollatura – issir bl-idejn, bir-reqqa u bil-paċenzja. Għalhekk uniċi. Kotba Calleja tippubblika letteratura li ma tibżax tesperimenta, li tgħarrex fl-idjoma, fil-vokabularji, fis-sintassi għal xbihat li jagħtu identità ġdida lill-poeżija u r-rumanz Malti. Din id-dar ta’ pubblikazzjoni tirrapreżenta kemm kittieba stabbiliti kif ukoll poeti u rumanziera ġodda.
L-Għaqda tal-Malti – Università hi għaqda studenteska bl-għan li tirrappreżenta l-istudenti tal-Malti f’kull livell. Toffri spazju lil kull min għandu passjoni għall-Malti biex jaħdem għal dil-lingwa b’modi differenti. Tippubblika wkoll il-kitba ta’ studenti, akkademiċi u membri tal-pubbliku fir-rivista Leħen il-Malti, li tmur lura għall-bidu tal-Assoċjazzjoni Maltija. GħMU hija waħda mill-aktar għaqdiet studenteski attivi fl-Università ta’ Malta bl-għan li tippromwovi u tiċċelebra l-lingwa Maltija fost is-setturi edukattivi u professjonali kif ukoll fl-użu tagħha ta’ kuljum.
Fl-1975 is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija magħrufa bħala M.U.S.E.U.M. żviluppat ħanut tal-kotba, illum stabbilit sewwa, bl-isem tal-fundatur tagħha, Librerija Preca. Il-ħanut jispeċjalizza fil-bejgħ ta’ letteratura reliġjuża u riżorsi multimedjali oħra minn bosta mid-djar tal-pubblikazzjoni ewlenin fl-Ewropa, l-Asja u l-Amerika ta’ Fuq. F’Novembru tal-1997 il-ħanut tal-kotba mexa għal żona aktar spazjuża u ddisinjata speċifikament għalih fid-Dar Ċentrali tas-Soċjetà fi Blata l-Bajda, li toffri aċċess aħjar għall-pubbliku ġenerali. Minbarra l-varjetà kbira ta’ kotba spiritwali, Librerija Preca toffri varjetà kbira ta’ tifkiriet Nisranin għall-okkażjonijiet kollha.
Malta Libraries hija l-entità responsabbli għall-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Librerija Nazzjonali (Għawdex), il-Librerija Ċentrali Pubblika, il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex, il-Libreriji Pubbliċi Reġjonali u Lokali f’Malta u Għawdex u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Bibljografija. Bħala entità, Malta Libraries twaqqfet bl-Att Dwar il-Libreriji Maltin (Att VII tal-2011), flok dak li qabel kien id-Dipartiment tal-Libreriji.
Stabbilit ’il fuq minn 25 sena ilu, Malta Online Bookshop huwa l-ħanut tal-kotba virtwali ewlieni fis-suq lokali li jispeċjalizza fil-pubblikazzjonijiet Maltin. Bi kburija noffru kollezzjoni diversa b’titli kurrenti u aktar min 3,500 xogħol li m’għadux fl-istampa, kif ukoll xogħlijiet rari u antiki, biex b’hekk naqdu lill-entużjasti tal-Melitensia u anki lill-kollezzjonisti. Kommessi biex nagħtu servizz eċċellenti u noffru kunsinna b’xejn għal ordnijiet lokali ’l fuq minn €40, u pustaġġ internazzjonali permezz ta’ posta reġistrata. Pagamenti bil-karti ta’ kreditu ewlenin aċċettati online. Il-missjoni tagħna hi li nippromwovu l-Melitensia għanja ta’ Malta filwaqt li nagħmluha aċċessibbli lil qarrejja u kollezzjonisti madwar id-dinja.
Meli Bookshop joffrey varjetà wiesgħa ta’ kotba, minn finzjoni u letteratura mhux fittizja sa letteratura għat-tfal u letteratura klassika. Meli Bookshop għandu żewġ ħwienet li t-tnejn jinsabu fil-Belt Valletta.
Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jgħin awturi lokali biex jippubblikaw il-kotba tagħhom bħala parti mis-serje tiegħu ‘Ħannieqa Kotba Melleħin’. Dawn huma ppubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u taħt ġeneri differenti, fosthom letteratura fittizja, mhux fittizja u poeżiji. Il-kunsill huwa kommess biex jgħin awturi mil-lokalità biex jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom u jagħmluhom aktar aċċessibli għall-pubbliku ġenerali.
Merlin Library ilu jissupplixxi kotba lill-iskejjel primarji, sekondarji u postsekondarji mill-1978. Wieħed mill-ħwienet li għandna u li jinsab Blata l-Bajda huwa l-uniku ħanut ġo Malta li jġib il-kotba tal-iskola tul is-sena kollha. Issibilna wkoll għażla wiesgħa ta’ materjal għar-reviżjoni għal ħafna mis-suġġetti. Nispeċjalizzaw f’kotba għat-tfal u kontinwament inġibu eluf ta’ kotba għal tfal ta’ bejn it-3 xhur sal-età żagħżugħa. Għandna selezzjoni kbira ta’ kotba fittizji u mhux fittizji u oħrajn ta’ interess ġenerali għall-adulti. Spiss ikollna wkoll offerti speċjali għal tfal li huma membri fil-Wizzies Club. Merlin Library kien l-ewwel li introduċa lill-awturi tal-kotba tat-tfal fl-iskejjel Maltin, b’dawn l-awturi jitkellmu mal-istudenti u jħeġġuhom jaqraw aktar. Fl-2003, Lynne Reid Banks kienet l-ewwel awtriċi li Merlin Library ġab Malta, u wara din kien hemm ħafna oħrajn.
Merlin Publishers twaqqfet fl-1964, u minn dakinhar kbirna u sirna l-aktar pubblikatur innovattiv u eċitanti f’Malta. Il-Merlin kburin bil-lista ta’ kotba ppubblikati minna, mogħnija minn awturi ewlenin u oħrajn li aħna stess qed inrawmu fit-triq tal-pubblikazzjoni bis-saħħa ta’ stili u espressjonijiet innovattivi. Bħala rebbieħa tal-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra għal diversi drabi, Merlin Publishers jinsab fuq quddiem nett għall-kwalità tal-produzzjoni, id-disinn, id-dehra finali tal-ktieb, u l-marketing. Il-kotba tal-Merlin dehru fil-fieri tal-kotba fi Frankfurt, Londra u Bolonja.
Pandora Bargain Books toffri varjetà kbira ta’ kotba bl-Ingliż u bil-Malti bi prezzijiet imnaqqsa kemm għall-adulti, kif ukoll għat-tfal. Barra minn hekk, taħt l-isem Pandora Publications, jiġu ppubblikati kotba bil-Malti bi prezz li huwa aċċessibbli għal kull familja f’Malta.
Maryanne’s Imprint
SKS hija dar tal-pubblikazzjoni bbażata f’Malta li tispeċjalizza prinċipalment fil-ġeneri tal-istorja, il-letteratura, it-teorija politika, il-kultura, u l-bijografija. SKS tirsisti biex tinforma u teduka lill-pubbliku ġenerali billi tippubblika kotba ta’ kwalità għolja bbażati fuq fehim liberali tal-ħajja, tal-istorja u tal-letteratura. Tgħin kittieba u riċerkaturi ta’ konvinzjoni simili jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom, u biex jikkontribwixxu lejn l-arrikkiment soċjali, kulturali, intellettwali u nazzjonali.
Super Heroes In Science
L-Ambaxxata Franċiża f’Malta, l-Alliance Française u l-Lireka (ħanut tal-kotba Franċiż online b’pustaġġ b’xejn madwar id-dinja) se joffru firxa wiesgħa ta’ kotba ġodda jew użati bil-Franċiż bi prezzijiet imraħħsa.
Is-Soċjetà Maltija għal Ċivilizzazzjoni Kristjana Pro Malta Kristjana soċjetà twaqqfet fl-2018, ispirata mix-xogħlijiet ta’ Prof. Plinio Correa de Oliveira. L-għan prinċipali tagħha hu li tiddefendi l-ħajja u ċ-Ċivilizzazzjoni Kristjana, speċjalment il-valuri tat-Tradizzjoni, il-Familja u l-Proprjetà. Fost l-attivitajiet tagħha nsibu l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet ispirati mill-fidi Kattolika u d-duttrina soċjali tal-Knisja, kif ukoll il-messaġġ ta’ Fatima. Is-soċjetà hi ispirata minn soċjetajiet simili fl-Ewropa u madwar id-dinja li bħalha jiddefendu l-valuri bażiċi Kattoliċi.
L-Università ta’ Malta se terġa’ tieħu sehem fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, irrappreżentata minn THINK Magazine, Malta University Press, u Malta University Distributors. Il-missjoni kollettiva tagħna hija li nesebixxu l-għarfien u l-innovazzjoni tal-akkademiċi u l-istudenti tal-Università. Ir-rivista tar-riċerka uffiċċjali tagħna, THINK, qed tippromwovi dan l-għan billi taqsam riċerka kurrenti mill-Università fil-pubblikazzjonijiet tagħha. L-MUP, il-pubblikatur akkademiku tal-Università, tipproduċi u tiddistribwixxi pubblikazzjonijiet akkademiċi li jiġbru fi ħdanhom l-essenza tal-esplorazzjoni, il-kreattività u l-arrikkiment kulturali fil-komunità dinjija tal-letteratura. Il-Malta University Distributors tipproduċi xogħol akkademiku u rivisti tar-riċerka, inklużi textbooks skont is-sillabi tal-Università u tal-matrikulazzjoni.
Wirt iż-Żejtun hija organizzazzjoni lokali mhux governattiva (NGO) li taħdem fis-settur tal-wirt. Twaqqfet fit-3 t’Ottubru tal-2010 u ppubblikat sbatax-il ktieb. Fost dawn il-pubblikazzjonijiet insibu sitta li jiġbru l-ġabra ta’ studji ppreżentati f’konferenzi biennali organizzati bejn l-2012 u l-2025, filwaqt li sitta oħra jkopru s-serje ‘Għamlulna Ġieħ’, li tiġbor profili ta’ personalitajiet miż-Żejtun li ħallew marka fuq l-istorja u l-kultura tal-villaġġ. Iż-Żejtun Citta’ Beland: Our Heritage – Our Place – Our Life hija l-pubblikazzjoni ewlenija tagħha.