Skip to content

Il-Fond Malti tal-Ktieb jimxi totalment online u jiżdied fl-allokazzjoni għall-2025

Image of Il-Fond Malti tal-Ktieb jimxi totalment online u jiżdied fl-allokazzjoni għall-2025

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) iħabbar bi pjaċir li fetħu l-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb 2025. Dis-sena l-allokazzjoni ġenerali tal-Fond żdiedet għal €135,000. Saru anki xi tibdiliet biex jitħaffef il-proċess tal-applikazzjonijiet u tissaħħaħ it-trasparenza fl-aġġudikazzjoni.

Il-Fond Malti tal-Ktieb jiftaħ kull sena u jitqassam f’fergħat differenti għal sottomissjonijiet eliġibbli ta’ kotba li jkunu għadhom fil-fażi ta’ proġett. Mindu tnieda fl-2015, il-Fond baqa’ jkollu rwol importanti fit-trawwim tal-kultura tal-kotba f’Malta, billi fost l-oħrajn iwieżen finanzjarjament pubblikazzjonijiet ta’ kwalità u jissapportja lill-awturi u l-pubblikaturi fil-proġetti tagħhom.

Dawn huma l-5 fergħat tal-edizzjoni tal-2025:

1. Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda (€55,000) – Iwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ riċerka jew ta’ letteratura li jkollhom valur kulturali sinjifikattiv iżda jaf ma jkunux kummerċjalment vjabbli.

2. Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa (€10,000) – Iwieżnu r-ripubblikazzjoni ta’ kotba b’valur kulturali, edukattiv jew intellettwali li jkunu ilhom minn tal-inqas 20 sena li ġew ippubblikati l-aħħar mis-sena kurrenti tal-Fond.

3. Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1: Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin (€45,000) – Iwieżnu t-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet minn awturi Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u b’ISBN Malti) fi kwalunkwe lingwa oħra. Dan jinkludi ġabriet ta’ kitba oriġinali fittizja u mhux fittizja, u l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet Maltin miktubin bl-Ingliż fi swieqi ġodda.

4. Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1: Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch (€5,000) – Iwieżnu t-traduzzjoni ta’ silta minn kotba Maltin f’xi lingwa oħra biex tintuża bħala pitch.

5. Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti (€20,000) – Iwieżnu t-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni bil-Malti ta’ xogħlijiet barranin.

L-għotjiet kollha jsegwu l-proviżjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba.

Kull proġett rebbieħ jista’ jingħata sa 100% tal-ispejjeż mitluba għal massimu ta’ €5,000 f’kull kategorija ħlief dik tal-pitches li l-massimu hawnhekk huwa €500.

Bidliet ewlenin għall-2025

Il-Proċess tal-Applikazzjoni jimxi Online: L-applikanti jridu jissttomettu l-proġett tagħhom kollu online billi jsegwu dil-ħolqa. Sabiex ma jkunx hemm intoppi, inħeġġu lill-applikanti sabiex ilestu minn qabel id-dokumenti meħtieġa.

Aktra Trasparenza fl-Aġġudikazzjoni: Kull applikant se jirċievi rapport dwar il-proġett tiegħu, u anki l-marki li jkun ingħata skont kull kriterju. Ir-rapport jintbagħat awtomatikament wara li titlesta l-aġġudikazzjoni.

Żieda fl-Allokazzjoni Ġenerali: Il-Fond żdied minn €120,000 għal €135,000, u tqassam kif ġej:

+€5,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda
+€5,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1:Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin|
+€5,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti

Reviżjoni fir-Regolamenti u l-Linjigwida għal aktar Ċarezza u Konsistenza: L-istruttura tal-applikazzjoni u r-regolamenti ġew irfinati sabiex il-messaġġ ikun aktar ċar u konsistenti sabiex l-applikant isibha eħfef biex japplika.

Kull min hu interessat japplika mħeġġeġ iżur is-sit tal-Fond Malti tal-Ktieb biex minn hemmhekk iniżżel ir-regolamenti u japplika online. 

Is-sottomissjonijiet jagħlqu fl-20 ta’ Mejju f’nofsinhar. Ir-riżultati jitħabbru fil-15 ta’ Lulju.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.