Home / News / Il-KNK isellem il-memorja ta’ Arthur Gruppetta, il-fundatur ta’ Merlin Publishers Back to News Il-KNK isellem il-memorja ta’ Arthur Gruppetta, il-fundatur ta’ Merlin Publishers News • Other 24th November, 2025 B’diqa kbira l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb isellem il-memorja ta’ Arthur Gruppetta, pilastru tal-industrija tal-kotba f’Malta, li ħalliena aktar kmieni llum. Imwieled il-Belt fl-1944, Arthur beda l-karriera professjonali tiegħu bħala għalliem, qabel ma ħa n-negozju tal-familja u beda jmexxi ’l Merlin Library, li twaqqfet mill-ġenituri tiegħu fl-1964 fi Blata l-Bajda. Grazzi għax-xogħol ma jaqta’ xejn tiegħu wara li ħa t-tmun tal-kumpanija, il-Merlin saru sinonimi ma’ kotba għat-tfal bl-Ingliż li kulħadd seta’ jaffordja. Mal-ħin il-Merlin saru wkoll l-ewwel pubblikaturi f’Malta li ppubblikaw il-kotba tal-Ladybird bil-Malti, li kienu wkoll l-ewwel kotba tat-tip tagħhom bil-kulur f’Malta. Arthur kompla biex laħaq tragward ieħor fil-qasam tal-pubblikazzjoni Maltija – il-pubblikazzjoni tal-ewwel ktieb bil-Malti għat-tfal fl-1971, Fra Mudest ta’ Charles Casha, li baqa’ klassiku tal-kotba għat-tfal maħbub sal-ġurnata tal-lum u b’diversi edizzjonijiet fis-sensiela. Bis-saħħa tal-pubblikazzjonijiet Merlin, Arthur ta pjattaforma lil diversi kittieba li maż-żmien saru ġganti tal-letteratura Maltija għat-tfal, ewlieni fosthom Trevor Żahra li beda mal-Merlin bil-ktieb L-Għar tax-Xelter fl-1973. Punt sinjifikanti ieħor fil-ħajja ta’ Arthur hu meta l-Merlin ippubblikaw l-ewwel kotba tal-iskola għal tfal tal-primarja u s-sekondarja, li għenu sabiex jiffaċilitaw u jibdlu t-tagħlim tal-lingwa u l-letteratura Maltija lit-tfal. Il-pubblikatur ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika fl-2018 għall-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-industrija tal-pubblikazzjoni (kif jidher fir-ritratt). Iben Arthur, Chris Gruppetta, illum huwa d-Direttur tal-Pubblikazzjoni f’Merlin Publishers, sa mill-2000. F’powst online, Chris ħabbar il-mewt ta’ missieru b’dan il-kliem: “Illum il-Merlin tlifna l-qalb tagħna. Arthur HUWA l-Merlin, ħoloq l-ewwel kotba Merlin tant u tant snin ilu, ma waqaf qatt jemmen fil-ktieb Malti anki jekk kontrih kellu l-irwiefen kollha, u baqa’ jixprunana sal-aħħar nifs. L-affarijiet mhux se jibqgħu l-istess warajh”. Il-pubblikatur Klabb Kotba Maltin ukoll ħareġ stqarrija, li fiha ddeskriva lil Arthur bħala “kollega, ġentlom u ħabib antik”, filwaqt li l-fondazzjoni HELA faħħret ix-xogħol imprezzabbli tiegħu biex ipprovda kotba ta’ kwalità għolja għat-tfal u anki għall-kollaborazzjonijiet li kien sawwar ma’ pubblikaturi internazzjonali. Immanuel Mifsud, rebbieħ ta’ bosta premji letterarji, irrefera għall-kontribuzzjonijiet ta’ Arthur b’messaġġ sabiħ: “Insellem lil personalità li kellha sehem kbir fl-istorja letterarja tagħna. Is-sur Gruppetta, li ħalliena llum, waqqaf il-Merlin Publishers u bis-saħħa tiegħu ferħu ħafna tfal li ltaqgħu ma’ Fra Mudest, man-nannu Ċens, mat-tfal jesploraw l-għar tax-xelter, u bosta persunaġġi oħrajn. Ta’ dan nibqgħu grati lejh u lejn il-kittieba li ppubblika.” Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jesprimi l-għomor lill-familja u l-qraba f’dan iż-żmien diffiċli. SHARE POST Related Articles Il-KNK jippubblika r-Rapport Annwali għall-2025 News 17th April, 2026 Read More Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jilqa’ lill-ewwel Malti li qatt għamilha mal-lista reġjonali tal-finalisti News 15th April, 2026 Read More Avviż lill-Esebituri u l-Organizzaturi tal-Avvenimenti – Applikaw Issa Biex Tipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026! Other 14th April, 2026 Read More Jekk tixtieq issir editur tal-kotba rreġistra issa għal dal-kors online b’xejn News 13th April, 2026 Read More Ħareġ il-45 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 9th April, 2026 Read More Sejħa għall-Addattamenti Teatrali ta’ Kotba Maltin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb News 8th April, 2026 Read More Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jilqa’ Maniġer ġdida News 7th April, 2026 Read More Titnieda l-Iskema tas-Sussidju għall-Kotba Stampati News 1st April, 2026 Read More Ippubblikata l-lista tas-sottomissjonijiet eliġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 Other 30th March, 2026 Read More Il-Programm Sħiħ tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb: Kelliema varji jistħarrġu r-realtajiet ekonomiċi fl-industrija tal-pubblikazzjoni Inizjattivi 20th March, 2026 Read More view all similar news
Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jilqa’ lill-ewwel Malti li qatt għamilha mal-lista reġjonali tal-finalisti News 15th April, 2026 Read More
Avviż lill-Esebituri u l-Organizzaturi tal-Avvenimenti – Applikaw Issa Biex Tipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026! Other 14th April, 2026 Read More
Jekk tixtieq issir editur tal-kotba rreġistra issa għal dal-kors online b’xejn News 13th April, 2026 Read More
Sejħa għall-Addattamenti Teatrali ta’ Kotba Maltin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb News 8th April, 2026 Read More
Ippubblikata l-lista tas-sottomissjonijiet eliġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 Other 30th March, 2026 Read More
Il-Programm Sħiħ tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb: Kelliema varji jistħarrġu r-realtajiet ekonomiċi fl-industrija tal-pubblikazzjoni Inizjattivi 20th March, 2026 Read More